Lokali
It-tiswijiet tal-Interconnector bi spiża ta’ €11-il miljun – mistennija jkunu lesti sa Marzu

Sa nofs il-ġimgħa d-dieħla se jibda x-xogħol ta’ tiswija fuq l-interconnector bejn Malta u Sqallija, li jumejn qabel il-Milied tefa’ lil pajjiż għal sigħat twal minħabba ħsara kkawżata minn ankra ta’ tanker. F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Enemalta ntqal li x-xogħol mill-kumpanija li mmanifatturat il-cable se jsir bi spiża ta’ 11-il miljun ewro, li se tkun koperta mill-assigurazzjoni li għandha tal-Enemalta.

Seba’ ġimgħat mindu l-interconnector bejn Malta u Sqallija ġratlu ħsara minn ankra ta’ tanker, l-Enemalta laħqet ftehim mal-kumpanija Nexans, li fil-jiem li ġejjin se tagħmel it-tiswijiet. Din hija l-istess kumpannija li kienet issupplixxiet il-cable lill-Enemalta. Il-vapur, li permezz tiegħu se jsiru x-xogħlijiet, daħal fil-Port ta’ Marsaxlokk biex jitgħabba fuqu l-cable li l-Enemalta għandha fl-imħażen tagħha f’Delimara. Il-Ministru għall-Enerġija, Michael Farrugia qal li x-xogħol mistenni jibda kmieni l-ġimgħa d-dieħla u jekk it-temp jippermetti, t-tiswijiet ikunu lesti sat-tielet ġimgħa ta’ Marzu u mbagħad il-cable jerġa jindifen f’qiegħ il-baħar biex ikun protett.

Il-Ministru Farrugia faħħar lit-tmexxija tal-Enemalta li qal irnexxielha ġġib vapur li evalwa xi kkawza l-qtugħ tal-cable, u f’temp qasir identifikaw u waslu biex iffirmaw kuntratt għat-tiswija tal-interconnector. Qal li l-interconnectors huma vurnerabbli għal ħsarat, u hawn domanda qawwija għal vapuri ta’ din ix-xorta li jevalwaw u jagħmlu tiswijiet.

F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Enemalta ntqal li x-xogħol se jsir bi spiża stmata li tilħaq €11-il miljun. Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, Jason Vella, qal li l-ispiża se tkun koperta mill-assigurazzjoni. Qal li l-kumpanija tal-assigurazzjoni tal-Enemalta għaddejja b’taħditiet biex tirkupra l-ispiża mil-kumpanija tal-assigurazzjoni tat-tanker li għamel il-ħsara.

Huwa spjega li mill-istħarriġ li sar fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar, il-ħsara fil-cable kienet estensiva. Qal li l-esperti tal-kumpana Nexans u tal-Enemalta se jsegwu mill-qrib ix-xogħol ta’ tiswija fuq il-cable li se jittella’ minn fond ta’ 150 metru. Spjega li wara t-tiswija l-cable se jerġa’ jitniżżel fil-baħar u se jiġi ttestjat għal 24 siegħa u jinxtegħel meta kollox jindika li jkun sewwa. L-inġinier Vella qal li sakemm jerġa’ jindifen il-cable saru arranġamenti biex ikun mgħasses bil-għan li l-ebda vapur ma jerġa’ jagħmel il-ħsara.

Mistoqsija dwar il-possibilità li jsir it-tieni interconnector, il-Ministru Farrugia qal li l-provvista ma tistax tiddependi biss fuq l-interconnector imma jrid ikun hemm taħlita, bil-Gvern u l-Enemalta qed jevalwaw kull tip ta’ enerġija alternattiva.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Il-Coronavirus qed jolqot sew l-Amerka Ċentrali li saret l-epiċentru tal-pandemija. Fi Gwatemala, żewġ saċerdoti missjunarji Għawdxin qalu li fl-aħħar ġimgħat, il-faqar kompla jgħolli rasu b’saħanisitra familji qed itajru bandiera bajda…

COVID-19

Sidien ta’ ristoranti li fetħu fi tmiem il-ġimgħa wara aktar minn xahrejn magħluqa qalu lil TVM li minkejja li kien bidu kwiet, iħossuhom pożittivi għaliex il-klijenti qed juru sinjali ta’…

COVID-19

Għalkemm il-virus Covid 19 għadu mhux megħlub għalkollox u l-vaċċin kontrih jista’ jieħu bosta xhur oħra sakemm jiġi żviluppat u tibda l-produzzjoni tiegħu, bosta pajjiżi reġgħu bdew ibexxqu l-bieb tas-sistema…

COVID-19

Wara aktar minn xahrejn mċaħħda milli jaraw lill-qraba anzjani tagħhom, għadd kbir ta’ qraba bdew jingħataw l-opportunità li jaraw lil qrabathom minn wara l-perspex. Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz de…

Aktar