Temp
L-Enemalta tavża li bil-maltemp inqata’ d-dawl f’diversi rħula

L-Enemalta qed tavża li postijiet differenti madwar Malta qed jesperjenzaw qtugħ fil-provvista tal-elettriku kawża ta’ ħsarat fin-newtork mill-maltemp li ħakem lil pajjiżna bejn ilbieraħ u llum.

Fi stqarrija fuq il-midja soċjali l-Enemalta qalet li t-timijiet tagħha tal-emerġenza qed jaħdmu fuq dawn il-ħsarat imma, minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, għal raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà, f’ċerti żoni se jkunu qed jieħdu aktar ħin minn normal biex isewwu.

Għall-ħabta tad-9.15am l-Enemalta kienet għadha qed taħdem fuq  ħsarat f’dawn l-inħawi:

Partijiet fiż-Żejtun;
Partijiet fiż-Żurrieq/ Wied iż-Żurrieq;
Partijiet fil-Bidnija;
Partijiet f’Delimara/Marsaxlokk;
Partijiet f’Paradise Bay;
Partijiet f’Ħaż-Żebbuġ (Malta);
Partijiet fl-Imġarr.

Fl-istess waqt il-provvista tal-elettriku ġiet lura għan-normal f’partijiet mill-Iklin, il-Għargħur u l-Magħtab.

Intant, persuni li jgħixu f’postijiet oħra minn dawk imsemmija, fosthom f’Tas-Sliema, is-Siġġiewi u l-Marsa, wkoll irrappurtaw qtugħ fil-provvista.