Lokali
L-Enemalta tgħid li d-domanda għall-elettriku wasslet għall-qtugħ tal-provvista tal-elettriku

Id-domanda għal provvista tal-elettriku fil-jum tal-bieraħ laħqet il-510MW, li hija l-ogħla rata qatt reġistrata minn Enemalta plc. Din hija żieda ta’ ftit anqas minn
5% mill-ogħla rata li kienet ġiet reġistrata qabel, jiġifieri dik ta’ 488MW f’Awwissu tal-2017.

Fi stqarrija, l-Enemalta qalet li fl-ewwel jiem ta’ Lulju, id-domanda għall-provvista tal-elettriku kienet ta’ 15% aktar mid-domanda li ġiet reġistrata fl-aħħar sentejn flistess perjodu.

Qalet li fl-aħħar jumejn, xi klijenti ta’ Enemalta esperjenzaw qtugħ tal-provvista tal-elettriku f’diversi lokalitajiet kaġun taż-żieda qawwija fl-imsemmija provvista
minħabba temperaturi għoljin ferm aktar mill-medja li laqtu lill-Gżejjer Maltin fl-aħħar jiem.

L-Enemalta qalet li dawn il-ħsarat, li kienu lokalizzati, ma kinux relatati ma’ xulxin u stqarret li grazzi għall-investiment li għamlet Enemalta fis-sistemi ta’ awtomazzjoni tas-substations tagħha fl-aħħar snin, ħafna minn dawn l-interruzzjonijiet ġew solvuti fi żmien relattivament qasir. Qalet li fil-fatt, il-provvista tal-elettriku ġiet lura għan-normal wara għaxar minuti fit-80% tal-każi.

Spjegat li fl-ebda ħin waqt dawn il-ħsarat, ma kien hemm xi diffikulta’ fis-sistemi ta’ ġenerazzjoni.

L-Enemalta qalet li qed iżżomm il-paġna ta’ Facebook aġġornata bl-aħħar informazzjoni, bi klijenti li jesperjenzaw xi diffikultajiet għandhom jagħmlu kuntatt magħħa fuq il-freephone number 8007 2224.