Lokali
L-Enemalta tħabbar Kap Eżekuttiv u Chairperson ġdid

L-Enemalta ħabbret ħatriet ġodda fl-istrutturi tat-tmexxija tagħha bis-Sur Jonathan Cardona jinħatar Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Enemalta b’effett mill-11 ta’ Ottubru. Huwa ser iservi f’din il-kariga wara l-Inġinier Jason Vella li qiegħed jassisti f’din it-tranżizzjoni.

“Nixtieq nuri apprezzament tal-fiduċja li ngħatajt f’din il-kariga. Inħares ‘il quddiem biex flimkien mal-bord tal-kumpanija, management, il-ħaddiema kollha u l-azzjonisti nkomplu nibnu fuq il-ħafna xogħol siewi li sar matul is-snin, u nsaħħu din l-ażjenda tant kruċjali għall-ekonomija Maltija.” qal Jonathan Cardona.

L-Enemalta ħabbret ukoll li l-inġinier Jonathan Scerri nħatar chairperson tal-Bord tad-Diretturi. Huwa qal li jinsab onorat u fl-istess ħin ħerqan li se jmexxi l-bord tal-Enemalta.

“Hija kumpanija li nħossni li trabbejt fiha. Hemm ħafna xogħol xi jsir u miri x’jintlaħqu flimkien mal-ħaddiema. Ċert li magħna se jkomplu jimpenjaw ruħhom biex jaraw lil din il-kumpanija timxi ’il quddiem”, stqarr l-Inġinier Jonathan Scerri.

L-Enemalta rringrazzjat lill-Inġinier Jason Vella u lis-Sur Kevin Chircop għax-xogħol li wettqu fl-aħħar snin u awgurat suċċess lis-Sur Cardona u l-Inġinier Scerri fil-karigi ġodda tagħhom.