Enerġija
L-Enemalta tispjega għalfejn inqata’ d-dawl ilbieraħ

Fi stqarrija, l-Enemalta ħabbret li wara li t-Tlieta Malta u Għawdex esperjenzaw qtugħ fil-provvista tal-elettriku, ħatret inkjesta interna biex tiskopri x’kien il-kawża ta’ dan.

L-inkjesta kkonfermat dak li qalet ilbieraħ, jiġifieri li fis-sagħtejn u nofs ta’ wara nofsinhar ħsara minn naħa ta’ Sqallija irriżulta fil-qtugħ tal-provvista Maltija.

Qalet li eżattament fis-2.39pm seħħet ħsara fuq it-tagħmir ta’ 220kV fis-substation ta’ Terna f’Ragusa, li huwa l-punt ta’ konnessjoni tal-Interconnector bejn Malta u Sqallija, u dan wassal biex l-Interconnector jintefa’ b’mod awtomatiku bħala mezz ta’ protezzjoni biex jiġi ssalvagwardjat it-tagħmir tal-Enemalta.

Fl-istess ħin, kien hemm ħsara fl-impjant tal-ġenerazzjoni fil-Power Station ta’ Delimara minħabba ll-qtugħ fil-vultaġġ kaġun tal-ħsara rreġistrata f’Ragusa. In-nuqqas fl-impjant tal-ġenerazzjoni fil-Power Station ta’ Delimara ma seħħx minħabba nuqqas fil-frekwenza, iżda kien riżultat tal-qtugħ fil–vultaġġ.

Nofs siegħa wara, fit-3.10pm, beda jintuża l-ewwel ġeneratur tat-turbina tal-gass, li normalment jintuża f’każ ta’ emerġenza. Fit-3.24pm, l-Interconnector reġa’ ġie enerġizzat min-naħa ta’ Ragusa, u erba’ minuti wara l-ewwel transformer fit-terminal tal-Magħtab ukoll kien qed jopera. Fl-3.46pm in-netwerk ta’ 33kV mill-Power Station ta’ Delimara kien enerġizzat, u fl-3.51 l-provvista tal-elettriku fiż-żoni ta’ Ħal Far u l-Freeport bdiet ġejja lura għan-normal.

Sal-4.23pm il-132kV busbars fil-Magħtab kienu enerġizzati permezz tal-Interconnector, u fi 11-il minuta n-netwerk 132kV kien qed jopera permezz tal-Interconnector. Fl-4.58pm il-Power Station ta’ Delimara ġiet sinkronizzata mal-Interconnector.

Fl-istqarrija temmet tispjega li sas-5.49pm il-provvista tal-elettriku ġiet lura għan-normal fil-maġġoranza tal-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, u sas-6.52pm il-provvista tal-elettriku ġiet lura għan-normal madwar il-pajjiż kollu, wara interventi f’waqthom minn ħaddiema tekniċi ta’ Enemalta.