Lokali
L-eqdem dokument fil-librerija nazzjonali t’Għawdex għandu 500 sena

Il-Librerija Nazzjonali ta’ Għawdex għalqet 125 sena. Din bdiet bħala inizjattiva privata u kienet issemmiet bħala Gabinetto di Lettura. Maż-żmien biddlet diversi postijiet u llum tinsab fuq l-iSkola Primarja tar-Rabat. L-eqdem dokument fil-kollezzoni għandu mal-ħames mitt sena.

Il-liġi f’Malta tobbliga li żewġ kopji ta’ kull materjal stampat bħal kotba, rivisti, ġurnali u fuljetti jiġu ppreżentati lill-kollezzjoni nazzjonali: waħda għal-Librerija Nazzjonali ta’ Malta – magħrufa bħala l-Biblijoteka – u oħra għal-Librerija Nazzjonali ta’ Għawdex. Bejniethom dawn iż-żewġ libreriji għandhom mijiet ta’ xkafef ppakkjati b’pubblikazzjonijiet ta’ kull xorta. Il-valur tagħhom jibqa’ għal ta’ warajna, fosthom għaliex jixtħu dawl fuq aspetti varji tal-istorja ta’ Malta – minn dik politika, reliġjuża u ekonomika għall-istorja soċjali, reliġjuża, kulturali u sportiva.

Il-Librerija Nazzjonali ta’ Għawdex għadha kemm għalqet 125 sena. L-eqdem dokument miżmum hawnhekk hu hu r-rapport ta’ Quintinus, stampat f’Lyon, li jagħti deskrizzjoni ta’ Malta fil-bidu tas-seklu sittax. L-Assistent Librar inkarigat mil-Librerija Nazzjonali ta’ Għawdex, George Cassar, qal li dan hu wieħed minn tliet kopji li jeżistu tar-rapport li kienu kkummissjonaw il-Kavallieri qabel ġew Malta u li jinkludi anke mappa ta’ Malta ta’ dak iż-żmien.

Il-Librerija Nazzjonali ta’ Għawdex infetħet fid-9 ta’ Marzu tal-1896. Illum tinsab fil-parti ta’ fuq tal-Iskola Primarja tar-Rabat, fi Triq Vajringa.

”Il-librerija ġiet trasferita hawnhekk fuq inizjattiva ta’ Monsinjur Ġużeppi Farrugia, li hawn fil-Belt Vittoria kienu jafuh bħala l-Monsinjur tal-vers, wara li għamel talba lill-Gvernatur biex jagħtih l-airspace li kien hawn fuq l-iskola primarja li kienet għada kif inbniet. Monsinjur Farrugia ħa ħsieb ukoll id-disinni kemm tal-faċċata kif ukoll tal-għamara kollha ta’ ġewwa s-sala prinċipali ta’ din il-librerija.”

Is-Sur Cassar qal li qabel, il-librerija kienet f’diversi postijiet. Spjega li bdiet fuq inizjattiva privata u kienet magħrufa bħala Gabinetto di Lettura u wara Libreria di Società.

”Sakemm imbagħad fuq talba tal-Għawdxin stess, din il-librerija ġiet nazzjonalizata permezz ta’ talba lill-Gvernatur u anke proposta ta’ numru ta’ regoli, li l-Gvernatur ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, Sir William Reid, kien ukoll approva.”

Illum, il-Librerija Nazzjonali ta’ Għawdex tifforma parti mill-Aġenzija Libreriji Maltin.