Lokali
L-ERA tappella mid-deċiżjoni għall-estensjoni ta’ restorant fid-Dwejra

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi l-ERA talbet lill-Qorti tirrevoka u tħassar permess mogħti mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar għall-estensjoni għal ristorant fid-Dwejra Għawdex. Id-deċiżjoni tat-tribunal ix-xahar li għadda qanqlet bosta reazzjonijiet, fosthom mill-Istitut għax-Xjenza Spazjali u l-Astronomija fl-Università ta’ Malta, minn għaqdiet ambjentali u mill-Ministru għall-Ambjent speċjalment minħabba ż-żieda ta’ dwal artifiċjali f’inħawi li huma sit ta’ Natura 2000 u mħarsa bi protezzjoni speċjali mid-Direttiva tal-Għasafar.

Fl-appell tagħha l-ERA qalet li t-tribunal naqas milli japplika jew interpreta ħażin il-pjan strateġiku tal-iżvilupp u l-ambjent u li naqas li jagħti protezzjoni xierqa lil biodiversità, il-wirt kulturali,u l-ġeologija ta’ dawn l-inħawi.