Ambjent
L-ERA tniedi fond ġdid għal proġetti li jħarsu l-ambjent

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) nediet fond ġdid li se jkun qed jiffinanzja proġetti, programmi u skemi bil-għan li jitħares l-ambjent u titjieb il-kwalità tal-ħajja fil-pajjiż.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u l-Kap Eżekuttiv tal-ERA Michelle Piccinino.

Il-Ministru Farrugia spjega li dan il-fond multi-miljunarju se jibda b’investiment ta’ €500,000 fl-ewwel skema bl-isem ta’ Better Environment in Our Local Urban Spaces (BELLUS).

Huwa semma kif l-iskema BELLUS se tkun qed tappoġġja proġetti ambjentali mfassla biex jipproteġu, jirrestawraw u jtejbu l-ambjent u hija miftuħa għal entitajiet pubbliċi, inklużi kunsilli lokali, għaqdiet volontarji u istituzzjonijiet edukattivi.

“Aħna qed inkomplu ninvestu fl-ambjent tagħna, fil-benesseri tagħna u fil-kwalità tal-ħajja tal-familji kollha fil-gżejjer tagħna. Pajjiżna qed ikompli jiffaċċja numru ta’ sfidi, inklużi dawk ambjentali, u huwa għalhekk li l-ħtieġa għal proġetti innovattivi, sostenibbli u ambjentali qed issir importanti aktar minn qatt qabel”.

“Enitatjiet pubbliċi, kunsilli lokali u NGOs ikunu jistgħu japplikaw għal dawn il-proġetti: afforestazzjoni, ġonna, ‘green and blue infrastructure’ u proġetti oħrajn biex proġetti ta’ €100,000 jingħataw ‘for reimbursement'”.

L-iskema BELLUS se tiftaħ fl-1 ta’ Lulju 2021 u tagħlaq fit-30 ta’ Settembru 2021. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb billi tidħol fis-sit era.org.mt jew billi tibgħat ittra elettronika lil [email protected]