Ambjent
L-ERA twaqqaf għat-tieni darba xogħlijiet fi Mġarr ix-Xini

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għat-tieni darba f’ġimgħa waqqfet xogħlijiet li kienu qed isiru minn kuntrattur mal-moll ta’ Mġarr ix-Xini.

Fi stqarrija l-ERA qalet li l-uffiċjali tagħha waqqfu x-xogħlijiet nhar il-Ħamis li għadda wara rapporti li t-terrapien beda jinżel fil-baħar.

Minn spezzjonijiet li saru rriżulta li x-xogħlijiet kienu qed isiru mingħajr ma tpoġġa lqugħ għat-terrapien (silt curtain). Iktar minn hekk, ix-xogħlijiet ma kinux konformi mal-kundizzjonijiet imposti mill-ERA permezz tal-permess tan-natura li kien jispeċifika li jrid ikun hemm monitoraġġ ekoloġiku.

Minkejja dan l-ERA qalet li l-kuntrattur reġa’ kompla bix-xogħlijiet, u kellu jitwaqqaf mill-ġdid illum. L-ERA qalet li wissiet lill-kuntrattur li ma jistax ikompli jaħdem qabel ma jkollu lqugħ kif suppost li jagħlaq it-trufijiet u imponiet il-monitoraġġ ekoloġiku.