Lokali
L-ERRC tkompli ssaħħaħ ir-riżorsi tagħha biex tgħin lil min jiġi fil-bżonn

Fl-aħħar t’Awwissu l-għaqda volontarja Emergency Response and Rescue Corps (ERRC) kompliet issaħħaħ ir-riżorsi tagħha bl-użu ta’ hydro-ambulance u rescue jet ski. F’jum il-Vitorja, krew ta’ TVM baħħar fuq waħda minn dawn l-opri tal-baħar u segwa mill-qrib il-ħidma tal-ERRC.

Għal dawn l-aħħar disa’ snin, l-ERRC provdiet servizzi professjonali ta’ lifeguard f’ħames bajjiet f’Għawdex u tnejn f’Kemmuna. Matul is-sajf li għadda l-ERRC assistit ‘il fuq minn 6,800 individwu f’każijiet varji. Din is-sena ERRC żiedet ir-riżorsi tagħha bl-użu ta’ hydro-ambulance mibnija speċifikament għal dan il-għan, u rescue jet ski.

Paul Parnis Supervisor fl-iskwadra tas-salvataġġ tal-baħar qal ma’ TVM li bl-investiment li sar mill-port tal-Imġarr għal Kemmuna l-vjaġġ ta’ salvataġġ jieħu inqas minn żewġ minuti. Kompla jgħid li minħabba l-pandemija n-numru ta’ dgħajjes tat-turisti f’Kemmuna u Kemmunet naqsu din is-sena iżda l-ammont tal-Maltin Li jħobbu jbaħhru f’din iż-żona żgur ma naqsitx.

“Imma realistakment x’inhuma s-sitwazzjonijiet li jħabbtu rashom magħhom il-membri tal-ERRC? Mela aħna nassistu għal diversi każijiet fuq il-baħar li jkopru minn inċidenti żgħar bħal xi ħadd missitu brama, cuts żgħar imma anke hemm involuti inċidenti serji li pazjent jrid jiġi trasferit l-isptar. Kemmuna hi sinonima mal-cliff jumping u diving u naraw ħafna inċidenti fejn persuni jaqbżu minn għoli eċċessiv u ikollhom kawżi ta’ spinal injuries minkejja li l-lifeguards jinfurmaw in-nies.”

Is-Sur Paul Parnis appella biex il-pubbliku jsegwi t-tabelli tal-post u kif ukoll il-pariri tal-lifeguards li jkunu preżenti. Qal li mhux l-ewwel darba li l-pariri tagħhom jiġu injorati f’wiċċhom stess. Minn barra dan spjega li kull bajja għanda struttura u topogrofija differenti li jaffetwaw il-kurrenti.

Qal li fil-każ speċifiku ta’ Blue Lagoon, peress li l-ilma baħar jgħaddi bejn żewġ gżejjer il-kurrent jkun b’saħħtu. Għalhekk fakkar li huwa mportanti li qabel l-għawma nagħtu titiwla lejn il-bnadar ta’ twissija preżenti fil-bajjiet.