Infrastruttura
L-estensjoni ta’ San Vinċenz de Paul mistennija tibda topera sas-sena d-dieħla

Sas-sena d-dieħla, ir-residenza San Vinċenz de Paul se tkun tista’ tospita sa 500 anzjan u anzjana oħra b’dipendenza għolja minħabba problemi mediċi akuti. Dan wara li miexi ġmielu x-xogħol fuq il-bini tal-estensjoni ta’ din ir-residenza.

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità qal li dan l-investiment ta’ €30 miljun, huwa l-akbar investiment mill-gvern fil-qasam tal-kura tal-anzjani fl-aħħar kwart ta’ seklu.

L-ispazju u l-faċilitajiet huma l-aktar karatteristiċi li jispikkaw fil-proġett ta’ €30 miljun għat-tkabbir tar-residenza tal-anzjani San Vinċenz de Paul. Erba’ blokkok mifruxa fuq 33,500 metru kwadru ta’ art se jkollhom 200 kamra ġdida.

Fost il-faċilitajiet fl-estensjoni se jkun hemm pixxina, gym, kappella u żoni fejn l-anzjani jissoċjalizzaw bejniethom u mal-qraba li jżuruhom. Mal-2,000 metru kwadru se jkunu spazji miftuħa. Sar ukoll parkegg taħt l-art.

Il-Kap Eżekuttiv tar-residenza, t-tabiba Josianne Cutajar qalet li l-estensjoni fuq disinn li jirrispetta l-istil arkitettoniku tal-binja eżistenti sar mill-eks Ministru, il-Perit George Pullicino.

L-implimentazzjoni tal-proġett tinsab f’idejn konsorzju immexxi mill-Perit Darren Sciberras. Spjega li qed tintuża sistema innovattiva, bix-xogħol fuq il-proġett magħmul minn qafas tal-konkrit rinfurzat, għaddej b’rittmu tajjeb tant li qed jinbnew mal-1,500 metru kwadru fil-ġimgħa.

“Din hija sistema li prattikament tista’ tgħid hija sistema avant garde ta’ kif tista’ tibni proġett fast track u fl-istess ħin tilħaq ir-regulations u l-codes li aħna dovuti li nirrispettaw bħala periti.”

Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis iddeskriva l-proġett bħala l-akbar investiment mill-Gvern fil-qasam tal-kura tal-anzjani fl-aħħar 25 sena.

“Investiment kapitali ta’ €30 miljun u b’commitment ta’ €274 miljun għall-għaxar snin li ġejjin. Permezz ta’ dan l-investiment se ninvestu f’500 sodda oħra allura dawk l-anzjani li se jkollhom bżonn kura b’dipendenza għolja se jkollhom din il-faċilità li tkun tista’ tikkejterja dawn il-bżonnijiet. Aħna wkoll se jkollna 140 sodda, kważi sodda minn kull tlieta li se nagħmlu hawnhekk, se jkunu qed jikkejterjaw għad-dimensja.”

Żied jgħid li dan il-proġett se jindirizza l-listi ta’ stennija tal-anzjani li jeħtieġu jidħlu f’residenza għall-anzjani. Dan għaliex malli tiftaħ din l-estensjoni, tilqa’ fiha sa 500 anzjan b’dipendenza għolja li uħud jinsabu rikoverati fi djar oħra għall-anzjani.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Is-sejba mill-Pulizija ta’ disa’ kilogrammi droga kannabis f’karozza fl-inħawi ta’ San Ġwann t’Għuxa f’Bormla wasslu biex Indjan tressaq il-qorti mixli li kien fil-pussess tad-droga kannabis f’ċirkustanzi li juru li ma…

Konsumatur

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qalet li ġiet programmata b’suċċess teknoloġija li tidentifika ħela ta’ ilma inkluż serq. Il-Korporazzjoni qalet li issa tista’ tittraċċa min jisraq l-ilma b’mod sistematiku. S’issa, il-prevenzjoni tas-serq…

Aktar