Edukazzjoni
AĠĠORNAT: Il-bini tal-estensjoni tal-iskola sekondarja f’Santa Luċija se jitlesta dis-sena

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana, qalet li x-xogħol tal-bini tal-proġett ta’ estensjoni tal-iskola sekondarja ta’ Santa Luċija se jitlesta sa tmiem din is-sena.

Waqt żjara li għamlet fil-post fejn qed isir il-proġett, il-Ministru Caruana qalet li l-proġett ta’ estensjoni, li jikkonsisti f’sala u kumpless sportiv, sar b’investiment ta’ €4 miljun.

Il-Ministru qalet li dan il-proġett se jkun qed jiffaċilita l-ħajja tal-istudenti li jattendu f’din l-iskola, li fiha tilqa’ 500 student li qegħdin bejn id-disa’ u l-ħdax-il sena.

L-istudenti tal-iskola sekondarja ta’ Santa Luċija, parti mill-Kulleġġ St Thomas Moore, sa tmiem din is-sena mistennija li jkollhom għall-ewwel darba sala fejn ikunu jistgħu jagħmlu attivitajiet, bħal Prize Day, kunċerti u attivitajiet artistiċi, kif ukoll kumpless sportiv.

F’din l-iskola li nbniet 23 sena ilu, l-istudenti qatt ma kellhom gym fejn isiru l-attivitajiet għall-isport. Bil-kumpless sportiv l-istudenti se jkunu jistgħu jagħmlu l-lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika, u attivitajiet sporitvi oħra bħal basketball, futsal, badminton u volleyball.

Waqt żjara f’din l-iskola, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li la jistlesta l-proġett, il-faċilitajiet f’din l-iskola se jkunu jistgħu jitgawdew ukoll mir-residenti ta’ Santa Luċija, fejn il-kunsill se jkun qed jorganizza diversi attivitajiet għall-komunità wara l-ħin tal-iskola.

“Bħalissa x-xogħol fl-iskola primarja u medja tar-Rabat Għawdex fi stadju avvanzat, fl-iskola taż-Żejtun, l-iskola tal-arti fil-Belt Valletta li kważi lest, u proġetti oħrajn li se nħabbru ‘l quddiem,” qalet il-Ministru.

Mill-2013 sal-lum, il-Gvern se jkun investa total ta’ €130 miljun fi proġetti fl-iskejjel, b’bini ta’ skejjel ġodda u xogħol ta’ rinovar.