Enerġija
It-turiżmu u t-tkabbir ekonomiku kien ta’ xkiel biex Malta tilħaq il-miri tal-UE

Malta u l-Estonja iffirmaw ftehim biex bl-għajnuna tal-Estonja Malta tkun tista tpaċi l-ammont ta’ enerġija nadifa li ma irnexxieliex tipproduċi skont il-miri tal-Unjoni Ewropea. Sa din is-sena Malta, kellha tipproduċi għaxra fil-mija tal-enerġija minn sorsi nodfa u s’issa qed tipproduċi biss madwar 8%.

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia ffirma dan il- ftehim wara taħdidiet mal-Ministru tal-Enerġija tal-Estonja Taavi Aas. Bil-ftehim Estonja li qed tipproduċi enerġija nadifa aktar mil-kwota tagħha ser titrasferixxi parti mill-enerġija żejda daqslikieku ipproduċiethom Malta.

“L-Unjoni Ewropea toffri alternattivi lil dawk il-pajjiżi li ma jilħqux it-targets tagħhom. Aħna għażilna wieħed minnhom. Illi pajjiż li qabeż it-target nixtru ż-żejjed tiegħu.”

Huwa stmat li dan it-trasferiment statistiku se jiswa’ lil Malta żewġ miljun ewro fis-sena.

Il-Ministru Farrugia qal li meta għaxar snin ilu daħlu fis-seħħ il-miri, il-proċess mexa bil-mod ħafna. Żied jgħid li minkejja d-diversi skemi u inizjattivi, l-mira ta’ għaxra fil-mija ma ntlaħqitx għal ftit. Fost ir-raġunijiet li waslu għal dan in-nuqqas Dr Farrugia semma t-turiżmu u t-tkabbir ekonomiku li qal tefa’ piż akbar fuq il-produzzjoni tal-elettriku.