COVID-19
L-Ewropa qed tiffaċċja sitt xhur iebsa bil-Covid-19 – WHO

Ll-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-Ewropa qed tiffaċċja sitt xhur iebsa, hekk kif reġgħet sabet ruħha fl-epiċentru tal-pandemija.

Id-direttur tal-WHO għall-Ewropa, Hans Kluge, qal li l-Ewropa kellha 29,000 mewt bil-Covid-19 matul il-ġimgħa li għaddiet.

Qal li attwalment il-każi fl-Ewropa jammontaw għal 28% tal-każi fid-dinja, waqt li l-imwiet bil-Covid-19 fl-Ewropa huma ekwivalenti għal 26% tal-imwiet bl-istess kawża madwar id-dinja.

Żied iżda li l-każi bdew jonqsu b’mod ġenerali hekk kif ħafna pajjiżi daħħlu restrizzjonijiet ġodda, fosthom lockdowns.

Hans Kluge qal li s-sitwazzjoni hija inkwetanti b’mod partikolari fl-Iżvizzera u fi Franza, fejn it-taqsimiet tal-kura intensiva jinsabu f’kapaċità ta’ 95%.

S’issa fl-Ewropa b’kollox kien hemm 15,738,179 każi ta’ Covid-19 u 354,154 mewt attribwita għall-Covid-19.

Ir-Renju Unit huwa l-pajjiż bl-ikbar ammont ta’ mwiet bil-Covid-19, waqt li Franza għandu l-ikbar ammont ta’ każi pożittivi.