Xjenza
L-Ewropa u l-Afrika qed jitbiegħdu mill-Amerka b’ċaqliq fil-qoxra tad-dinja – Dr Agius

Xjenzat Malti fforma parti minn tim ta’ riċerkaturi barranin li għadhom kif qattgħu ħames ġimgħat jistħarrġu l-attività seżmika li hemm f’qiegħ l-Oċean Atlantiku.

Mill-istudju li għamlu sabu li l-kontinent Amerikan fuq naħa u l-kontinenti Ewropew u Afrikan fuq in-naħa l-oħra tal-oċean qed jitbiegħdu minn xulxin.Dan minħabba li l-blata kontinentali f’nofs l-Atlantiku qed tinqasam u tifforma blat ġdid mil-lava li toħroġ minn qiegħ il-baħar.

Ir-riżultati tal-istudju kienu ppubblikati fil-ġurnal awtorevoli Nature.

Id-distanza bejn il-kontinent Ewopew, Afrikan u Amerikan qed tikber b’fatt li kien ikkonfermat b’ċertezza minn studju li sar minn grupp ta’ xjenzjati li studjaw l-attività seismika li qed isseħħ taħt il-qoxra tal-kontinenti fil-qalba tal-Oċean Atlantiku.

Fl-2016, ix-xjenzat Matthew Aguis ssieħeb ma’ grupp ta’ riċerkaturi internazzjonali abbord id-Discovery, vapur Ingliż li huwa attrezzat u mgħammar għall-ispedizzjonijiet ta’ din ix-xorta, biex iwettqu esperimenti xjentifiċi għall-ħames ġimgħat fl-Oċean Atlantiku.

“Qiegħed fuq vapur mgħammar bit-teknoloġija avvanzata imma għalkemm għandek din it-teknoloġija kollha, l-afarijiet li aħna mgħammra bihom bħall-internet huwa limitat ħafna u kien qed jintuża biss għall-emerġenza”.

L-ispedizzjoni tmexxiet minn tim ta’ riċerkaturi mill-Università ta’ Southampton, bl-esperimenti kellhom il-mira li jitfgħu dawl fuq kif tiċċaqlaq il-qoxra tad-dinja li minħabba l-attività fis-saffi tal-blat ta’ taħt il-baħar.

“Id-dinja għandha qoxra fil-wiċċ u din il-qoxra hija maqsuma li huma l-continental plates, platti tettonici u dawn qed jiċċaqalqu ftit fis-sena, ftit ċentimetri fis-sena u nafu li jikkaġunaw terrimoti, vulkanti, muntanji.”

Il-qofol tal-proċess esperimentali ntlaħaq meta ix-xjentisti mmexxija minn Dr. Catherine Rychert u Dr Nicholas Harmon, niżżlu disgħa u tletin sismometru f’qiegħ il-baħar f’nofs l-Oċean Atlantiku bl-għan li jirreġistraw l-attivita’ sismika minn madwar id-dinja għal sena sħiħa.

Dr. Aguis spjega li r-riċerka kienet innovattiva għax ikkonfermat b’ċertezza li fl-Oċean Atlantiku hemm saffi li għandhom fond ta’ aktar minn sitt mitt kilometru fejn it-taħlita ta’ temperaturi għolja qed jiffaċilitaw it-tlugħ tal-materjal lejn il-wiċċ tad-dinja, magħruf bħala lava. F’dan il-każ, iċ-ċaqlieq qed iwassal biex il-blat f’qiegħ dan l-oċean qed jimxi f’direzzjoni opposta minn xulxin, bil-konsegwenza li l-kontinenti qed jitbiegħdu minn xulxin.

“Ikollok materjal tiela’ l-fuq u l-affarijiet kesħin jergħu jinżlu ‘l isfel għax id-dinja qisha borma tbaqbaq… ovvjament il-proċess jimxi bil-mod ħafna, qed nitkellmu ftit ċentimetri fis-sena imma s-saħħa tagħha hija kbira ħafna għax din tmexxi l-kontinenti.”

Dr. Agius qal li l-esperimenti li saru juru li hemm żona taħt l-Oċean Atlantiku fejn is-saff tal-blat huwa irqaq mill-medja. Qal li f’dan il-każ, l-movimenti vertikali qed jiffaċilitaw l-moviment tal-platti tettoniċi fil-wiċċ tal-baħar, u eventwalment anki qed jikkontribwixxu għall-ftuħ fl-ispazji tal-Oċean Atlantiku.

“Għandna din id-data hija rikka ħafna fl-istudji tagħna fejn tatna l-opportunità biex ittina stampa ta’ x’hemm ġewwa id-dinja”.