Barranin
L-ewwel arresti taħt il-liġi l-ġdida imposta miċ-Ċina f’Hong Kong

Il-pulizija f’Hong Kong għamlet l-ewwel arresti taħt il-liġi l-ġdida imposta minn Beijing kontra l-protesti. Dan hekk kif għadd kbir ta’ nies fakkru it-23 sena mit-tmiem tat-tmexxija Ingliża.

Aktar minn 300 persuna f’Hong Kong ġew arrestati hekk kif eluf ħarġu jipprotestaw. Hu rrappurtat li disa’ mill-arresti saru taħt l-Liġi l-ġdida ta’ Sigurtà Nazzjonali li tiffoka fost oħrajn fuq it-terroriżmu – b’kastigi li jistgħu jwasslu sa għomor il-ħabs. Għall-kritiċi din il-liġi tnaqqas mil-libertajiet li kellhom jiġu garantiti miċ-Ċina għal tal-inqas ħamsin sena mill-1997.

Ħafna mill-protesti kienu paċifiċi, imma l-pulizija użat il-gass ta’ dmugħ u l-ilma biex tferrex il-folla. Il-pulizija qalet li uffiċjal qala’ daqqa ta’ sikkinu fi driegħu waqt wieħed mill-arresti.