Infrastruttura
L-ewwel esebizzjoni miftuħa tal-arti fil-Marsa-Ħamrun Bypass

Infetħet l-ewwel esebizzjoni tal-arti fil-bypass tal-Marsa-Ħamrun li saret b’kollaborazzjoni bejn Infrastructure Malta u l-MCAST. Din l-esebizzjoni se tkun wirja ħajja ta’ xogħlijiet ta’ talent lokali li jinbidel minn żmien għall-ieħor.

Tliet letturi tal-arti mill-MCAST ħadmu fuq l-ewwel kollezzjoni ta’ esebizzjoni miftuħa tal-arti li tinsab fil-bypass ta’ bejn il-Marsa u l-Ħamrun. Din hija l-ewwel esebizzjoni tax-xorta tagħha u tagħti spazju lit-talent lokali. Il-wirja tinkludi 10 inkwatri kbar li fihom jista’ jiġi esebit ix-xogħol artistiku tal-istudenti tal-Istitut għall-Arti Kreattiva fl-MCAST. Eventwalment l-esebizzjoni tinfetaħ ukoll għall-artisti lokali u anke dawk internazzjonali biex huma jkunu jistgħu jesebixxu xogħolhom f’post li jara eluf ta’ sewwieqa kuljum.

L-ewwel kollezzjoni ħarġet minn idejn tliet letturi tal-arti fl-MCAST – Carmen Aquilina, Pierre Mifsud u Darren Tanti. L-artisti użaw tiżwiqa ta’ fotografija, tpinġija, l-isfera diġitali u mezzi tal-midja oħra biex joħorġu l-arti dwar numru ta’ speċi ta’ fjuri lokali.

Darren Tanti qal “il-progett huwa ispirat direttament mill-ambjent naturali tal-vertical gardens u li xtaqna wkoll, bħala sors ewlieni, li jkun hemm flora endemika Maltija li sservi bħala spunt inizjali biex inġibu dan il-pajjiż urban dehra ikbar ta’ fjuri u flora tal-lokal”.

Il-proġett tal-arti miftuħa huwa kumplimentari għall-itwal ġnien vertikali ta’ 350 metru maġenb l-istess esebizzjoni.

Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Robert Schembri qal “ix-xogħol prinċipali ta’ Infrastructure Malta huwa li nieħdu ħsieb l-infrastruttura tat-toroq. Però bħala Infrastructure Malta ħsibna wkoll biex nikkumplimentaw l-infrastruttura b’xogħlijiet oħra.”

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal li numru ta’ skulturi u arti kreattiva se jkunu qed jiġu installati wkoll fil-proġett tal-Junction tal-Marsa u b’dan il-mod il-Gvern ikun qed jgħin ukoll biex jixpruna t-talent tal-istudenti.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li l-prattika u l-kollaborazzjoni mal-industrija, anke mas-settur pubbliku, huwa mod kif l-istudenti tal-MCAST ikollhom it-tagħlim jgħaqduh mal-esperjenza fuq ix-xogħol.