Qasam soċjali
L-ewwel gym newroloġiku se jintrama f’Dar Bjorn 2

L-Awtorità tad-Djar tat lill-fondazzjoni ALS Malta €60,000 biex fit-tieni Dar Bjorn f’Ħaż-Żebbug jiġi armat l-ewwel gym newroloġiku f’Malta.

Dan in-Neuro Gym se jkun mgħammar b’apparat tal-aħħar teknoloġija biex persuni li għandhom mard newroloġiku, fosthom dawk residenti f’Dar Bjorn u dawk li jingħataw servizzi ta’ għajnuna minn ALS Malta, jużaw dan il-gym u jtejbu saħħithom.

Għall-ewwel darba f’Malta meta tkun lesta t-tieni Dar Bjorn f’Ħaż-Żebbuġ se jkun armat gym newroloġiku li se jkun qed jgħin fl-eżerċizzju lil pazjenti bl-ALS u mard newroloġiku ieħor.

L-Awtorità tad-Djar tat €60,000 lill-fondazzjoni ALS Malta bil-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li l-Awtorità tad-Djar qed tkun proattiva u tagħti tagħmir li jassisti persuni b’diżabilità f’akkomodazzjonijiet soċjali u anki lil fondazzjonijiet bħal Dar Bjorn li qegħdin jagħtu dinjità u kura lil persuni li għandhom mard newroloġiku.

Bjorn Formosa qal li jħossu grat ħafna lejn il-Ministeru li ħaseb biex jagħmel id-differenza fost il-pazjenti li jbatu minn mard newroloġiku.

Il-gym se jinfetaħ ukoll għat-300 pazjent li tgħin ALS Malta li mhumiex residenti fid-dar.

“Apparti li għandek gym normali, apparat attrezzat għal mard newroloġiku, bħal ‘treadmills’, rampi apposta, apparat li jgħin fir-riabilitazzjoni ta’ mard newroloġiku”.

Il-Ministru Roderick Galdes qal li permezz tal-Awtorità tad-Djar nies li għandhom problema ta’ mobbiltà qed jingħataw s-sostenn biex ma jaqgħux lura iżda jingħataw dinjità u għajnuna biex itejbu l-kwalità tal-ħajja.

“Essenzjali li jkun hawn apparat li jgħinhom fil-mobbiltà, dawk li jgħixu fid-dar 24 siegħa u jingħataw s-sapport”.

Bjorn Formosa qal li jħossu grat lejn il-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’oħra ta sehmu biex fil-maratona tal-Ħadd inġabru iktar minn €1.6 miljun għat-tieni Dar Bjorn li se tilqa’ pazjenti mhux biss bl-AlS iżda b’mard newroloġiku ieħor.