Lokali
L-ewwel kappella f’Malta mgħammra b’apparat li jgħin persuni neqsin mis-smigħ

Il-Kappella tal-Qalb ta’ Ġesu f’San Vinċenz de Paul hija l-ewwel waħda f’Malta mgħammra b’apparat speċjalizzat li se jgħin persuni li jbatu minn nuqqas ta’ smigħ.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia spjega dan fl-inawgurazzjoni ta’ dan l-apparat, li ntuża għall-ewwel darba fil-preżenza ta’ għadd ta’ anzjani waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier.

“Dan il-proġett sar b’investiment ta’ €17,000, grazzi għal donazzjoni mill-kumitat tal-welfare, li dejjem ikun lest li jgħin lir-residenti f’San Vinċenz bi proġetti bħal dawn li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna,” qal il-Ministru Farrugia.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li s-sistema li kien hemm kienet antika u ma kinitx qiegħda taqdi l-funzjoni tagħha tajjeb, tant li ħafna residenti kienu jilmentaw li ma jifhmux dak li jingħad waqt xi ċelebrazzjoni li ssir fil-knisja. Għaldaqstant, sar studju biex jiġi evalwat liema hija l-aħjar sistema li għandha tintuża u, wara pariri ta’ esperti, ġiet installata sistema li, barra l-funzjoni tagħha, se tgħin ukoll lil dawk li jbatu minn nuqqas ta’ smigħ u jagħmlu użu mill-hearing aid.

Il-Ministru spjega li din hija sistema ta’ audio induction loop, li tgħin biex dak li jkun qed jingħad jiġi trażmess direttament fl-apparat tas-smigħ u jelimina kull ħoss ieħor li jkun għaddej dak il-ħin.