Lokali
Malta torganizza l-ewwel konferenza dwar tibdil fil-klima

Ħamest ijiem qabel is-summit tan-Nazzjonijiet Magħquda magħruf bħala l-COP 26, Malta organizzat l-ewwel konferenza nazzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima biex fost oħrajn tesplora x’passi jistgħu jittieħdu biex jitrażżan l-impatt ta’ dan il-fenomenu. L-ambaxxatur għat-tibdil fil-klima, il-Professur Simone Borg qalet li Malta ilha ‘l fuq minn 30 sena tisħaq dwar dan il-fenomenu u saħqet li jeħtieġ jiġi mplimentat il-ftehim maqbul dwar il-bidla fil-klima. Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li Malta qed tnaqqas l-ħruġ ta’ gassijiet tossiċi b’19 fil-mija biex issir ekonomija bla użu tal-karbonju sal-2050 u sostna li Malta se tattendi għas-summit tal-COP26 bi pjan konkret.

L-ambaxxatur għat-tibdil fil-klima, il-Professur Simone Borg qalet li qatt daqs illum ma hawn l-informazzjoni xjentifika neċessarja u l-ħeġġa biex nibdlu t-teknoloġija minn fjuwils li jniġġsu għal enerġija iktar nadifa.

“Għalhekk naħseb qegħdin f’punt fejn nistgħu ngħaġġlu l-pass, qed ngħid f’Malta anki f’kuntest globali. U qed naraw per eżempju pajjiżi, produtturi taż-żejt, li qegħdin jimpikaw bejniethom min se jiddekarbonizza l-ewwel, u dawk huma kollha messaġġi interessanti u mportanti li jagħtuna ħafna kuraġġ.”

Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li t-triq tibqa’ iebsa iżda b’determinazzjoni Malta tista’ tkun xempju għall-pajjiżi gżejjer stati oħra għax l-isforzi u l-miżuri biex tikkumbatti l-bidla fil-klima diġà qed timplimentahom.

Spjega li t-tibdil fil-klima qed jolqot lil kull pajjiż. Saħaq li jekk pajjiżi akbar minn Malta, li jniġġżu ħafna aktar minn Malta mhux se jaġixxu, Malta u pajjiżi stati gżejjer bħalha, se jkollhom problemi kbar.

Qal li flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela, se jattendu għas-summit tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar it-tibdil fil-klima f’Novembru fl-Iskozja u se jkunu assertivi, għax Malta għandha pjan u tinsab determinata li tonora l-ftehim ta’ Pariġi tal-2015.

“Nafu li hemm pajjiżi li mhux se jattendu l-COP 26, hemm pajjiżi li se jiġu jgħidulna li l-miri tagħhom se jilħquhom 10 snin wara hemm oħrajn li se jiġu reluctantly pero għalhekk l-Unjoni Ewropea hija leader hawnhekk, tellgħajna l-ambizzjonijiet tagħhna ħafna aktar minn 40 fil-mija fuq livell Ewropew tellgħajnihom 55 fil-mija issa, u għalhekk tista’ tmur titkellem b’awtorità l-Unjoni Ewropea biex tikkonvinċi kontinenti oħra biex jimxu f’din id-direzzjoni.”

Il-Ministru Farrugia qal li bil-ħidma ta’ diversi gvernijiet tul is-snin, Malta llum hija l-inqas li tniġġeż l-arja ras għal ras fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u saħaq li l-European Green deal huwa wieħed minn niċeċ ekonimici li pajjiżna jrid iħares lejhom illum qabel għada, għax saħaq li dan il-ftehim huwa kruċjali għall-futur tad-dinja kollha.