Lokali
AĠĠORNAT: Jibdew jiġu identifikati u magħżula l-immigranti tal-MV Lifeline

Sigħat biss wara l-iżbark tal-immigranti minn fuq il-vapur Lifeline, l-awtoritajiet Maltin irreġistraw l-identità tagħhom waqt li bdew ukoll l-eżamijiet mediċi fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa fejn qed jinżammu l-maġġoranza tagħhom.

Il-Ministru tal-Intern, Michael Farrugia qal lil TVM li tim ta’ uffiċjali Franċiżi beda l-proċess biex jintgħażlu l-immigranti li se jmorru Franza, wieħed mid-disa’ pajjiżi li se jieħdu wħud mill-immigranti. Fl-istess waqt, il-Pulizija Maltija bdew ukoll l-investigazzjonijiet tagħhom fuq l-allegat ksur tal-liġijiet mill-Kaptan tal-vapur li mhux ser jithalla jitlaq minn Malta sakemm jitlestew l-investigazzjonijiet.

235 immigrant, fosthom nisa u trabi, qattgħu l-ewwel lejl mistrieħ tagħhom fuq l-art wara sitt ijiem bejn sema u ilma abbord il-vapur MV Lifeline, li tħala jidħol Malta bis-saħħa ta’ ftehim ad hoc bejn Malta u seba’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-Ħamis filgħodu tħabbar li ma’ dawn il-pajjiżi ngħaqdet in-Norveġja, li wkoll offriet li tieħu uhud mill-immigranti.

Il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal lil Television Malta li diġà wasal f’Malta tim ta’ esperti Franċiżi u nhar il-Ħadd mistenni jasal grupp ieħor mill-Irlanda bil-għan li jiskatta l-proċess biex iżommu mal-impenn li għamlu li jieħdu uhud mill-immigranti.

“Għandna numru ta’ pledges mill-pajjiżi. Ovvjament se nkunu qed naraw magħhom kull pajjiż kemm ħa jkun qiegħed jieħu bħala numru, jżommux mal-pledges jew le,” qal il-Ministru.

Il-Ministru Farrugia qal li wara li l-immigranti żbarkaw f’Malta l-Erbgħa filgħaxija, disa’ persuni fosthom tlett itrabi kellhom bżonn kura medika fl-isptar Mater Dei. Huwa qal li huma jinsabu f’kundizzjoni relattivament tajba. Fost l-immigranti kien hemm sbatax-il mara u 62 persuna taħt it-tmintax-il sena, li parti kbira minnhom mhumiex akkumpanjati minn adulti. Dawn jinkludu żewġ tfajliet.

L-immigranti huma minn madwar sittax-il pajjiż. Aktar min-nofshom – 154 huma mis-Sudan. Il-bqija huma mil-Kosta tal-Avorju, is-Somalja, iċ-Chad, l-Eritrea, l-Etjopja, in-Niġerja u l-Libja fost oħrajn.

L-immigranti li kienu fuq il-vapur MV Lifeline, minbarra dawk li kellhom bżonn kura medika fl-isptar Mater Dei nġiebu fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa minn fejn immedjatament skatta proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ kull immigrant.

Il-Ministru spjega li l-proċess ta’ identifikazzjoni mill-pulizija tal-immigrazzjoni u mill-aġenzija tal-gvern li tieħu ħsieb il-bżonnijet tal-immigranti ħa sas-sagħtejn u nofs tal-Ħamis filgħodu. “Issa jibda l-iscreening mediku komplut, isiru l-X-rays, imbagħad wieħed jistenna r-riżultati qabel wieħed ikun jista’ jara jekk l-immigranti joħorġux miċ-ċentru.”

Dr Farrugia qal li rappreżentanti tal-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda – il-UNHCR – ingħataw aċċess biex jiltaqgħu indiviwalment mal-immigranti.

Ir-rappreżentant tal-UNHCR f’Malta, Kahin Ismail li tkellem ma’ wħud minnhom fil-Marsa, qal li l-immigranti sodisfatti li fl-aħħar niżlu fl-art wara it-trawmiet li għaddew minnhom. ” You could tell how relieved they are now on dry land and being looked after in terms of their health, in terms of their wellbeing. They are just physically exhausted. Many of them have spent time in prison in Libya they told me. So there will be a time that they need to take to reflect and to see the trauma some of these went through especially the youngsters among them.”

Abbord il-vapur MV Lifeline kien hemm dsatax-il membru tal-ekwipaġġ u l-kaptan, li qed jiġi intervistat mill-pulizija. Il-Ministru Farrugia qal li l-vapur mhux se jitħalla jbaħħar qabel ikun konkluż l-istħarriġ tal-pulizija dwar l-allegat ksur tar-regoli tat-tbaħħir u tas-salvataġġ.