X

“L-ewwel missjoni tiegħi kienet li ndaħħal dixxiplina fil-ħabs” – Direttur Ġenerali tal-Ħabs

Il-Kurunell Alex Dalli, li tliet xhur ilu beda jmexxi l-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin, qal li l-ewwel missjoni tiegħu kienet li jerġa’ jdaħħal id-dixxiplina fil-ħabs anke jekk din ma togħġobx lil kulħadd. Stqarr li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin toffri bosta sfidi, fosthom li din il-binja meta inbdiet 170 sena ilu kienet maħsuba ghal 250 priġunier u issa hemm mas-sitt mitt priġunier.

Bi sfond ta’ dixxiplina militari li sawret il-karattru tiegħu, id-Direttur Ġenerali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, il-Kurunell Alex Dalli qal lil TVM li huwa essenzjali li fil-Faċilità tirrenja d-dixxiplina, għalkemm stqarr li meta daħal hemm ġew, sab laxkezzi li kellu jindirizza mill-ewwel.

Il-Kurunell Alex Dalli qal “m’hemmx triq oħra ħlief li d-dixxiplina tidħol mal-ewwel ġurnata. Din mhix xi ħaġa li tingħata bid-dożi. Li priġunier jgħajjat ma’ uffiċjal korrettiv mhux aċċettabbli. Allura trid tieqaf mal-ewwel ġurnata. Li inti ddaħħal id-droga fil-ħabs u tqassamha mhux aċċettabbli u trid tieqaf immedjatament. Illi priġunier isawwat priġunier ieħor mhxu aċċettabbli.”

Il-Kurunell Dalli qal li fil-ħabs hemm element ta’ priġunieri li kienu jaqilgħu l-inkwiet il-ħin u issa jħoss li biddlu l-mentalità tagħhom bis-saħħa tar-regoli ta’ dixxiplina li daħlu fis-seħħ.

Huwa ammetta li minħabba l-limitazzjoni ta’ spazju mhux faċli jitnaqqas it-taħlit tal-priġunieri għalkemm f’sitwazzjoni ideali persuni li rifsu l-ewwel darba b’reati żgħar m’għandhomx jitħalltu ma’ kriminali li kkankraw fil-ħabs. Idealment lanqas persuni sentenzjati m’għandhom jitħaltu ma minn għadu qed jistenna s-sentenza.

Alex Dalli qal “fil-ħabs inżommu kull kwalità ta’ nies. Waħda mill-ewwel affarijiet li jien ridt naħseb fuqu kienet li wasal iz-żmien li nibdew nisseperaw u nikklassifikaw il-ħabsin.”

Semma’ li fl-ewwel tliet xhur li ilu Direttur Ġenerali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, diġà ffaċċja għad ta sfidi fosthom dik li sejjaħ sens ta’ telqa li ilha snin twal.

“Naħseb li rajt telqa ta’ 50 sena. Qed ngħid hekk għax kif dħalt hemm ġew l-ewwel ma għamilt bdejt inaddaf affarijiet li ma kellhomx ikunu hemmhekk. Fosthom miżbliet fil-ħabs” qal il-Kurunell Dalli.

Il-Kurunell Dalli qal li hemm bżonn investiment ġdid biex din il-Faċilità li parti sew minnha nbniet 160 sena ilu ġiet modernizzata għal ħtiġijiet tas-sistema korrettiva.

 

av :