Lokali
L-ewwel park marittimu f’Malta – se jkun immexxi minn Nature Trust Malta

Ftehim bejn Nature Trust Malta u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se jwassal għal park marittimu fiċ-Ċirkewwa. Fi kliem l-operaturi dan se jkun l-ewwel tat-tip tiegħu f’Malta b’wieħed mill-ewwel passi se jkun li jsir studju f’qiegħ il-baħar u inventarju ta’ x’hemm f’dan il-post. Il-proġett se jwassal biex ikun hemm żona protetta taħt il-baħar u b’hekk tinħoloq iżjed biodiversità marittima.

Identifikata fiċ-Ċirkewwa żona fil-baħar biex tinbidel f’park marittimu. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Nature Trust Malta ffirmaw ftehim li bih l-awtorità se tagħti €300,000 kull sena għal 3 snin. Nature Trust Malta qalet li se tkun qed tapplika għal fondi Ewropej minħabba li l-proġett kollu jiswa erba’ miljun u ħames mitt elf ewro.

L-għan ta’ park marittimu hu li jżid il-biodiversità, waqt li jkun hemm żoni għas-sajd u attività ekonomika li tiġġenera t-turiżmu, fosthom minħabba li tiġbed lejha l-bugħaddasa. Il-President ta’ Nature Trust Malta, Vince Attard, qal li għalissa l-pjan hu li jibdew il-konsultazzjonijiet ma’ dawk kollha involuti.

“Ħa jibda wkoll studju f’qiegħ il-baħar ħalli nagħmlu inventarju ta’ x’hawn fil-post. Once li dawn ikunu lesti mbagħad nistgħu nibdew ix-xogħol fuq zonations għax qegħdin naraw eżempju areas fejn wieħed jista’ jiġi jistad, wieħed jista’ jogħdos, wieħed no go minħabba li l-ħut u dawn l-affarijiet biex imbagħad jiġi pjan ħolistiku għaż-żona kollha.”

Is-Sur Attard spjega li qed isiru diskussjonijiet ukoll ma’ Transport Malta fuq il-ħsieb li d-dgħajjes ma jidħlux fiż-żona tal-park marittimu.

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li l-proġett tal-park marittimu hu l-ewwel tat-tip tiegħu f’Malta li għandu jwassal għal turiżmu sostenibbli.

“B’hekk aħna nkunu dejjem iżjed qed naraw kif it-turiżmu li jiġi f’pajjiżna jkun wieħed li jkompli jkun aħjar mis-snin ta’ qabel. Il-pandemija tatna l-opportunità li verament ninvestu biex l-ambjent tagħna jkompli jkun ta’ prijorità għalina. Dan kollu se jwassal biex grazzi għal dan l-investiment f’din iż-żona ta’ warajna nkomplu nkattru l-biodiversità u jiżdied ukoll il-ħut li ovjament se jkun ta’ attrazzjoni għall-għaddasa li jiġu f’pajjiżna.”

Il-Ministru Clayton Bartolo qal li parks marittimi dejjem kienu meqjusa bħala prijorità biex tkompli titkattar l-industrija tal-bugħaddasa.

Fl-istess attività nħelset fekruna bl-isem ta’ Kim li għandha 8 snin. Tracker tqiegħed fuq Kim bil-għan li Nature Trust Malta jkollha aġġornament dwar il-vjaġġi tal-fekruna.