Barranin
L-ewwel Prim Ministru mara Żvediża tirriżenja 7 sigħat wara l-ħatra

L-ewwel prim ministru mara li qatt kellha l-Iżvezja rriżenjat sigħat biss wara li ġiet appuntata fil-kariga.

Magdalena Andersson, daħlet fil-kariga l-Erbgħa filgħodu iżda rriżenjat ftit tas-sigħat biss wara li l-partit tal-ħodor fil-koalizzjoni tagħha telqu mill-gvern bil-konsegwenza li l-budget naqas milli jikseb l-approvazzjoni tal-parlamentari.

Minflok, il-parlament ivvota favur il-budget li ħejjiet l-oppożizzjoni magħmul mill-Partit Moderat, mill-Partit Demokristjan u d-Demokratiċi Żvediżi tal-lemin estrem.

F’konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħaxija Andersson qalet lill-ġurnalisti li ltaqgħet mal-ispeaker u talbitu biex ineħħiha mill-pożizzjoni tagħha ta’ prim ministru.

Il-partit tal-ħodor li kien f’koalizzjoni magħha qalu li ma setgħux jaċċettaw budget li għall-ewwel darba tfassal mal-lemin estrem.

Skont il-konvenzjonijiet Żvediżi, meta partit f’koalizzjoni jitlaq mill-gvern, il-prim ministru jkollu jirriżenja.

Is-Sinjura Andersson qalet li qed tittama li ssir mill-ġdid prim ministru tal-pajjiż bħala kap ta’ partit wieħed fil-gvern.

S’issa għadu mhux ċar x’se jkun il-pass li jmiss. Analisti politiċi qalu li l-Ispeaker tal-Kamra, Andreas Norlen, jista’ jitlob vot lill-parlament biex jivvota mill-ġdid għall-kandidatura ta’ Andersson bħala prim ministru, din id-darba bħala kap ta’ partit wieħed fil-gvern. Fl-istess waqt għadu mhux magħruf meta jista’ jittieħed dan il-vot.