Ambjent
L-ewwel proġett nazzjonali biex jitjieb l-ilma tal-pjan

Proġett nazzjonali dwar il-kwalità tal-ilma tal-pjan se jwassal biex tinġabar informazzjoni li tgħin biex jitfasslu miżuri iktar addattati għas-setturi tal-agrikoltura u l-ambjent.

Is-sistema ta’ monitoraġġ taħt art agrikola se tkun qed itejjeb il-kontroll fuq il-kwalità tal-ilma tal-pjan biex jassigura l-kwalità u jnaqqas it-tniġġis minn kimiċi fl-ilma.

Dan huwa l-ewwel proġett nazzjonali tax-xorta tiegħu fl-Ewropa u qed jitmexxa mill-Aġenzija għall-Energija u l-Ilma u parzjalment iffinanzjat b’fondi ta’ Koeżjoni Ewropej.

Il-Ministru għall-Energija, l-Intrapriza u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli, qalet li l-proġett, fost oħrajn, se jgħin biex il-bdiewa jkunu jistgħu jindunaw bit-tniġġis tal-ilma.

Is-Segretarju Parlamentari, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li qed isiru numru ta’ inizjattivi b’investiment ta’ madwar €24 miljun ko-finanzjati b’fondi Ewropej sabiex jiżdied l-għarfien tal-pubbliku ġenerali dwar l-użu u l-importanza tal-ilma. Il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni mal-kumpanija Sensoil.

“Malta is the only country in the world that implements such a system on a national scale, with 14 systems distributed in areas across the whole country to give indication on the quality of the water infiltrating down and recharging the ground water,” qal Prof. Ofer Dahan minn Sensoil.

Grupp ta’ esperti qed jagħmlu xogħlijiet fuq dan in-network ta’ monitoraġġ li se jkun mifrux fuq 14-il sit agrikolu madwar Malta. Kull sit identifikat jagħmel użu minn prattiċi agrikoli differenti biex id-data analizzata tkopri tipoloġija differenti ta’ art agrikola.