Infrastruttura
L-ewwel riżultati tal-istudju juru li l-mina bejn Malta u Għawdex tista’ ssir

Ir-riżultati preliminari ta’ studju tekniku mill-Università ta’ Malta dwar il-ġeoloġija tal-blat bejn Malta u Għawdex juru li l-mina bejn iż-żewġ gżejjer tista’ titħaffer.

F’kummenti lil TVM, il-Professur Aaron Micallef qal li mill-kampjuni tal-blat li ġew analizzati ma nstabux affarijiet straordinarji f’qiegħ il-baħar għajr qsim naturali f’ċertu partijiet li jistgħu jiġu evitati fid-disinn tal-mina.

Fl-uffiċċju tal-ġeoloġija marittima fid-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi fl-Università ta’ Malta sibna mal-mija u ħamsin metru ta’ kampjuni tas-saffi kollha tal-ġeoloġija li nsibu fil-gżejjer Maltin.

Il-Professur Aaron Micallef qalilna li l-kampjuni ttieħdu fl-aħħar ġimgħat minn qiegħ il-baħar bejn Malta u Għawdex bħala parti mill-analiżi siżmika u ġeoloġika għall-proġett tal-mina bejn iż-żewġ gżejjer.

“Li qed nagħmlu huwa nassoċċjaw dak li nsibu f’dawn il-cores ma’ dak li naraw fil-geophysics fejn nużaw per eżempju s-sound minn fuq vapur biex ikollna idea ta’ x’hemm f’qiegħ il-baħar – qisu x-ray ta’ qiegħ il-baħar – u meta dak nagħduh ma’ dik id-data mbagħad ikollna idea 3-D ta’ mudell ġeoloġiku ta’ x’hemm fil-baħar bejn il-gżejjer ta’ Malta u Għawdex” qal il-Professur Aaron Micallef.

Il-Professur Micallef spjega li l-kampjuni ttieħdu minn diversi postijiet tal-fliegu partikolarment fil-punent ta’ Kemmuna u l-Imġarr Għawdex f’fond ta’ bejn 15 u 250 metru.

Spjega li mill-analiżi preliminari nnutaw varjazzjoni interessanti tal-ħxuna tal-blat bejn Malta u Għawdex li hi qrib ħafna dak li kienu qed jistennew.

“Il-baħar bejn Malta u Għawdex għandu ħafna faults li huma qsim fil-blat u dawn jidhru kemm fil-ħxuna anzi kif tvarja l-ħxuna tal-layers differenti tal-blat kif ukoll fid-data ġeo-fiżika li għandna u dak jista’ jkun importanti minħabba li jekk ikollok xi faults jew qsim li għadhom attivi jista’ jaffettwa l-mod kif se tiġi ddisinjata l-mina fil-futur” kompla jgħid il-Professur Micallef.

L-istudju tekniku mid-Dipartiment tal-ġeoxjenti tal-Università mistenni jiġi ppreżentat lil Transport Malta fil-jiem li ġejjin. Mistoqsi għall-opinjoni preliminari tiegħu dwar it-tħaffir tal-mina, il-Professur Micallef qal li r-riżultati ġeoloġiċi ma kienx sorpiżi bihom u m’għandhomx ixekklu l-proġett.

” Naħseb li bl-inġinerija tal-lum hija avvanzata biżżejjed biex tkun tista’ tħaffer il-mina li għandhom f’moħħhom Transport Malta” kompla jgħid il-Professur Micallef.

Aktar kmieni din is-sena l-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg qal li sal-aħħar ta’ din is-sena għandhom jitlestew l-istudji tekniċi kollha li għandhom jgħinu lill-awtoritajiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet fuq il-proġett.

Ir-rapport tekniku ta’ Transport Malta ppubblikat f’Mejju li għadda kien identifika wkoll l-inħawi tal-Limbordin fil-Manikata u tat-torri ta’ Kenuna fin-Nadur bħala l-inħawi l-aktar ideali tad-dħul u l-ħruġ tal-mina.

Aħbarijiet Oħra
Droga

L-Aġenziji li jaħdmu mal-vittmi tad-droga fosthom is-Sedqa u l-Caritas huma tal-fehma li l-użu rikreattiv tal-kannabis m’għandux ikun promoss għax ikattar il-kultura favur l-abbuż tad-droga. Din il-fehma intweriet waqt il-programm Dissett…

Partit Nazzjonalista

Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Kristy Debono qalet fi stqarrija li sabet li 84 mill-200 firma fil-petizzjoni li titlob biex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali biex jiddiskuti l-ġejjieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista huma…

Lokali

Ta’ tnax-il sena sofriet diżabilità minħabba mard u wara ħafna snin ta’ żwieġ kellha tifel bil-kundizzjoni down syndrome. Minkejja l-isfidi, Lorraine Pellicano tgħid li Thomas berkilha ħajjitha u ħerqana li…

Lokali

Meqjusa fost l-ewwel tobba f’Malta li bdiet taħdem bla heda mal-vittmi tad-droga, ħidmet it-tabiba Maria Sciberras tfakkret f’konferenza f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tal-Aġenzija Sedqa u fil-jum internazzjonali kontra l-abbuż u…

Aktar