Barranin
L-ewwel sentenza ta’ ħabs b’rabta mar-rewwixti fil-Capitol

Paul Allard Hodgkins, huwa l-ewwel raġel minn Florida li ntbagħat il-ħabs wara r-rewwixti fil-Capitol tal-Istati Uniti fis-6 ta’ Jannar li għadda.

Ir-raġel ta’ 38 sena wieġeb ħati li daħal fil-Capitol biex ifixkel il-Kungress. Huwa ntbagħat tmien xhur ħabs.

Il-Prosekuzzjoni talbet għal sentenza ta’ 18-il xahar wara li argumentat li Hodgkins ikkontribwixxa għat-theddida b’mod kollettiv li saret fuq id-demokrazija.

Dan huwa l-ewwel wieħed minn mijiet ta’ każijiet marbuta mar-rewwixti li saru fil-Capitol. L-FBI s’issa arrestat mal-535 persuna.

Fil-Qorti, Hodgkins qal li d-deċiżjoni li jieħu sehem fil-protesti kienet frott il-bluha. Stqarr li jiddispjaċih għall-ħsara li saret u talli weġġa’ lill-pajjiż li tant iħobb.

Filmati juru lir-raġel fis-sala tas-Senat liebes flokk li jappoġġja lil Donald Trump, b’bandiera ta’ Trump fuq spalltu.

Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni qalet li Hodgkins ma kienx vjolenti  u ma kkawża l-ebda ħsarat.

Fil-jiem li għaddew mara ta’ 49 sena minn Indiana, Anna Morgan-Lloyd, ingħatat tliet snin ta’ prova mingħajr kundanna għall-ħabs b’rabta mar-rewwixti fil-Capitol.