Knisja Maltija
L-ewwel statwa titulari ta’ San Ġorġ Preca għall-parroċċa tas-Swatar

Il-parroċċa żagħżugħa tas-Swatar, dedikata lill-ewwel qaddis Malti kanonizzat, issa għandha l-istatwa titulari tagħha . . .ta’ San Ġorġ Preca. L-istatwa tal-qaddis patrun se tiġi inawgurata fi tmiem din il-ġimgħa u għandha rabta mal-ħidma ta’ San Ġorġ Preca biex introduċa l-purċissjoni bil-bambin lejlet il-Milied u t-tagħlim fuq il-misteru tal-inkarnazzjoni: l-Iben ta’ Alla, li sar bniedem.

Is-Sibt filgħaxija l-komunità tas-Swatar laqgħet il-wasla tal-istatwa titulari l-ġdida ta’ San Ġorġ Preca. Din hi l-aktar parroċċa żagħżugħa f’Malta. Twaqqfet għaxar snin ilu, sena wara li Malta kellha l-ewwel qaddis kanonizzat. Ġiet dedikata lilu u issa għandha statwa titulari li turi lil dan is-saċerdot djoċesan li waqqaf il-M.U.S.E.U.M. b’bambin f’idejh. Il-Kappillan, Dun Robert Grech, spjega għaliex il-parroċċa għażlet li x-xbieha tieħu din id-dehra.

Il-Kappillan Dun Robert Grech qal “kull darba li aħna nħarsu lejn din l-istatwa ħa niftakru f’dak li San Ġorġ ried iwassalna għandu, li hu Kristu, imma wkoll fit-tagħlim u r-riflessjonijiet li hu ħalla marbutin mal-misteru tal-Inkarnazzjoni, li Alla jsir bniedem, u li hu ħalla diversi kitbiet u teoloġija interessanti ħafna li wieħed jista’ jixtarr u jaqra u li tista’ tgħinna fil-ħajja nisranija ta’ kull min jersaq lejh.”

Il-parroċċa tas-Swatar li għandha madwar 6,000 resident għandha wirt ħaj ta’ San Ġorġ Preca b’żewġ oqsma tal-M.U.S.E.U.M., tas-subien u tal-bniet. Fi kliem Dun Robert Grech dawn huma ta’ grazzja u minjiera ta’ ġid għall-parroċċa.

Din hi l-ħames statwa titulari li nħadmet fil-bottega Camilleri Cauchi tal-Fgura. Ix-xogħol fuqha sar minn Alfred u ibnu Aaron li spjega li sfida partikulari kienet li billi ħafna nies jiftakru lil San Ġorġ Preca, riedu kemm jista’ jkun iżommu x-xebħ miegħu.

L-artist, Aaron Camilleri Cauchi qal “il-vara hi mqatta’ fl-injam. Użajna kewba Afrikana biex ħdimnieha. U bejn wieħed u ieħor ħaditilna madwar tmien xhur xogħol. Il-vara lestejnieha minn kollox, kemm induratura kif ukoll il-polikromija.”

Aaron spjega li l-bambin li se jkollu f’idejh San Ġorġ Preca sar fuq bambin li hemm fil-Knisja ta’ San Franġisk fil-Belt. Dan kien iħadem lejn il-bidu tas-seklu l-ieħor minn nannuh, Wistin Camilleri. Jingħad li bih San Ġorġ Preca għamel l-ewwel purċissjoni lejlet il-Milied tal-1921.

L-istatwa ġiet regalata lill-parroċċa tas-Swatar minn Emanuel Vella u l-familja. Għall-Milied, għandha titlesta wkoll raġġiera tal-fidda għall-istatwa.

Il-Ħadd filgħaxija, l-Arċisqof Charles J. Scicluna se jmexxi ċelebrazzjoni li fiha se jpoġġi għall-ewwel darba l-bambin f’idejn San Ġorġ Preca u jbierek l-istatwa.

Aħbarijiet Oħra
Festi

Tliet politiċi kienu fost tnejn u għoxrin personalità li ġew onorati bid-dekorazzjonijiet tal-istat. Magħhom ġew onorati wkoll diversi personalitajiet għas-servizzi li taw fil-karrieri distinti tagħhom. Fosthom jispikkaw il-kuntistabbli Simon Schembri,…

Stejjer Umani

Omm Maltija tista’ tgħix ħajja normali wara li rċeviet trapjant minn organu ta’ baqra. Shirley Fenech, omm Maltija, għexet ħajja normali sal-2016 meta ħabta u sabta ħassha ħażin, intilfet minn…

Lokali

Il-Prim Minsitru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li hi mhix se tmexxi l-Partit Konservattiv għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, erba’ snin oħra. May għamlet din id-dikjarazzjoni fi Brussel qabel daħlet għal-laqgħa…

Lokali

Qed jinbidlu bħalissa l-bozoz kollha li jdawlu t-toroq ewlenin f’Malta fi proġett li mistenni jnaqqas il-konsum tal-elettriku b’madwar 70%. Il-bozoz il-ġodda, aktar minn tliet elef, huma tal-għamla LED u joffru…

Aktar