COVID-19
L-ewwel testijiet bil-Coronavirus fuq il-bnedmin se jibdew fir-Renju Unit

Ir-Renju Unit se jkun l-ewwel pajjiż li jinfetta grupp ta’ voluntiera bil-coronavirus bil-għan li jiġi studjat il-mod kif ġisimhom jirreaġixxi għalih.

L-istudju, li ġie approvat mil-lat etiku, se jkun qed jiġbor 90 persuna ta’ bejn 18 u 30 sena li jinsabu fi stat tajjeb ta’ saħħa. Dawn se jiġu esposti għall-coronavirus f’ambjent ikkontrollat, waqt li t-tobba joqgħodu għassa għal saħħithom.

It-testijiet se jsiru bil-għan li x-xjentisti jkollhom idea iktar ċara tal-iċken ammont ta’ virus li huwa biżżejjed biex jikkawża infezzjoni, kif ukoll il-mod li bih l-immunità tal-bniedem tirrispondi għalih. Eventwalment dan it-tagħrif jista’ jgħin fit-trattament u t-tilqim tal-Covid-19.

L-istudju, li ssemma The Human Challenge, qed isir b’kollaborazzjoni bejn it-taskforce tat-tilqim tal-Gvern Ingliż, l-Imperial College ta’ Londra, ir-Royal Free London NHS Foundation Trust u l-kumpanija hVIVO, li hija pijuniera f’din ix-xorta ta’ testijiet.