Agrikultura
L-ewwel xahrejn tas-sena xotti – bdiewa jappellaw għal għajnuna biex jaħżnu l-ilma

Għal darboħra din ix-xitwa tista’ titqies mill-bdiewa li kienet xotta, tant li fissret spejjeż żejda għalihom għat-tisqija tal-ħxejjex u frott. Familja ta’ bdiewa tkellmet ma’ TVM fuq il-bżonn li jkun iffaċilitat il-proċess biex il-bdiewa japplikaw għal ġiebja.

Matul dan ix-xahar l-ammont ta’ xita mkejla kien biss ta’ 7.4 millimetru, li jifisser 49.5 millimetri inqas mill-medja li hi ta’ 56.9 millimetru. Sibna lill-familja Agius fl-għelieqi tagħha f’Ħaż Żebbuġ u staqsejna lil Paul Agius xi jfisser għall-bdiewa, li għal xitwa oħra reġa’ ma kienx hemm xita, jew ftit li xejn.

“Fil-bidu bdejna naqra bix-xita, imma mbagħad qisu x’ħin qlibna s-sena waqfet ix-xita. Dik problema kbira għalina l-bdiewa, speċjalment il-basal u dawn l-affarijiet li tħawwel trid issaqqihom għax inkella ma jagħmilx hux… Ikollna nġibu l-pompa u nsaqqu b’idejna jew tarma l-pajpijiet, dawn l-affarijiet hux għax jekk tħawlu u ma ssaqqihx aħjar m’għamiltu xejn mill-ewwel.”

Fost il-bdiewa hu magħruf li x-xita l-aħjar li tista’ tagħmel hu sa nofs Marzu. “Aħna qisu x-xitwa sa Marzu, għax imbagħad min-nofs Marzu ‘l hemm jinħasad il-qamħ u s-silla u dawk kollha ħsara mbagħad hux għall-magħlef… għax imbagħad jibda l-ħsad u mhux tajjeb għall-balal u hekk.”

Ħu Paul, Leli, qalilna li meta tiġi xitwa xotta bħal din il-bdiewa jkollhom bżonn jidħlu fi spejjeż żejda biex isaqqu l-għelieqi.

“Illum hawn bżonn reservoirs ħafna ikbar minn dawk ta’ qabel. Nafu kemm sfortunatament Malta water catchment jew li nżommu l-ilma tax-xita milli jintrema’, hemm ħafna x’jista’ jsir bla dubju u jaħasra kieku jkun hemm naqra iktar għajnuna min-naħa tal-Gvern jew entitjaiet responsabbli, biex iħaffu l-proċess jew jagħmluha iżjed faċli għall-bidwi biex ikollu fejn jaħżen l-ilma.”

Żgur li t-temp ta’ din is-sena ma kienx jirrifletti x’jgħid il-qawl malti ta’ Frar fawwar jimla’ l-bjar!