Politika
L-ex Prim Ministru Joseph Muscat jirreaġixxi għal dak li ħareġ waqt il-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech

B’reazzjoni għal dak li ħareġ fil-Qorti waqt il-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, l-ex Prim Ministru Joseph Muscat iċċara li hu qatt ma kien mgħarraf dwar dan id-delitt minn qabel u qatt ma ddiskutih mal-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

F’post fuq fil-media soċjali, Dr Muscat qal li l-Pulizija għandhom fil-pussess tagħhom konverżazzjoni li saret wara li Fenech bagħatlu messaġġ li fih skuża ruħu li ma kellmux għax kien imdawwar bin-nies, bl-ex Prim Ministru jsostni li dan jikkontradixxi dak li ntqal fl-istqarrija. Dr Muscat ippreċiża li kuntrarju għal dak li ġie allegat, ma saret ebda laqgħa ma’ Fenech li fiha ta xi informazzjoni dwar raids li kellhom isiru fis-Sajf, u qal li dan huwa impossibbli kif jirriżulta mix-xhieda tal-Pulizija stess, għax ħsieb ta’ raids saru ferm wara l-perjodu li ġie allegat li saret l-istess laqgħa.

Dr Muscat qal ukoll li llum ġie kkonfermat li din l-istqarrija ngħatat wara li ġiet rifjutata t-talba għall-maħfra lil Fenech, u wara li waslitlu t-theddida li jċappsu jekk ma jirrakkomandax il-maħfra. Sostna li dan kien qalu pubblikament u xehedu quddiem il-maġistrat inkwirenti fuq talba tiegħu stess. Temm jgħid li meta kien Prim Ministru għamel dmiru tant li dan wassal biex kien hemm żblokk importanti f’dan il-każ maġġuri, kuntrarju għal delitti kbar li saru qabel.