Edukazzjoni
L-eżamijiet tal-SEC u l-MATSEC se jsiru kif skedati

F’dawn iż-żminijiet is-soltu jibdew l-orali tal-eżamijiet tal-Matsec, iżda minħabba l-Covid, l-eżamijiet tal-livell ordinarju u avvanzat se jsiru kif skedati.

Dan intqal mid-Direttur tal-Matsec Dario Pirotta f’kummenti lil TVM u sostna li l-bord qed jieħu l-pariri meħtieġa biex saħansitra anke qed jinbidlu l-kriterji tal-assessjar bil-għan li l-istudenti ma jiġux penalizzati inġustament minħabba ċ-ċirkustanzi li ġabet magħha l-pandemija.

L-eżamijiet tal-Matsec fil-livell ordinarju u dak avvanzat se jsiru f’Ġunju għall-ewwel sessjoni, u f’Ottubru għas-sessjoni reparatorja.

Id-direttur tal-MATSEC Dario Pirotta qal li l-bord ħejja pjan ta’ kontinġenza fl-eventwalita’ li bil-Covid l-iskejjel jibqgħu magħluqin u t-tagħlim isir online skont il-miżuri li daħlu fis-seħħ mill-bidu ta’ din il-ġimgħa.

“L-eżamijiet is-soltu kienu jibdew f’dan i-żmien f’Marzu, konna nibdew bl-orali u mbgħad konna nagħmlu listening comprehensions u fl-aħħar ta’ April konna nagħmlu l-eżamijiet bil-kitba, L-orali fil-fatt tneħħew minħabba l-pandemija u l-ewwel eżami tal-kitba din is-sena se jsir fl-ewwel ta’ Ġunju.”

Is-Sur Pirotta spjega li l-bord tal-matsec ħa l-pariri ta’ esperti fis-suġġetti varji għal tibdil fis-sillabu biex l-istudenti ma jkunux penalizzati inġustament minħabba ċ-ċirkostanzi tal-Covid. Minkejja li mhux se jsir l-eżami orali tal-lingwi, is-Sur Pirotta qal li l-istudenti xorta se jingħataw il-marki massimi għal din is-sezzjoni, u sostna li mistennija jinbidlu l-kriterji ta’ assessjar tal-eżamijiet.

Mistoqsi dwar is-sitwazzjonijiet varji tal-istudenti vulnerabbli li għażlu li ma jmorrux fiżikament fl-iskejjel u fl-istituzzjonijiet edukattivi għat-tagħlim mill-bidu tas-sena akkademika, is-sur Pirotta qal li l-proċess ta’ tagħlim kien qed isir online qabel ma daħlu fis-seħħ dawn il-miżuri.

“L-iskejjel offrew lezzjonijiet għall-istudenti li baqgħu id-dar, l-istudenti vulnerabbli, min-naħa tagħnma wkoll qegħdin nieħdu l-miżuri beix l-istudenti vulnerabbli jkunu jistgħu jagħmlu l-eżamijiet tagħhom skont id-direzzjonijeit li qed jagħtuna id-dipartiment tas-saħħa pubblika”.

Is-sur Pirotta qal li l-eżamijiet se jsiru f’numru ta’ skejjel, filwaqt li spjega kif se jittieħdu l-prekawzjonijiet massimi għat-tixrid tal-Covid kif seħħ fis-sessjonijiet ta’ Settembru u Diċembru fl-2020. Aċċenna li l-pjani se jibqgħu jinbidlu skont iċ-ċirkostanzi.