Politika
‘L-eżitu tal-inkjesta ma ħasadnix għax stennejt riżultat negattiv’ – il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-inkjesta pubblika

Waqt li kien qed jindirizza attività tal-Partit Nazzjonalista f’Tas-Sliema, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN, Bernard Grech qal li r-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma ħasudux, minħabba li kien qed jistenna dan ir-riżultat negattiv. Qal li l-Prim Ministru għandu jiċħad minnufih lil Joseph Muscat.

Dr Grech qal li jista’ jifhem x’ħassew il-familja ta’ Caruana Galizia minħabba li meta kien żgħir inqatlet il-kuġina tiegħu, Karin Grech. Qal li l-poplu kollu għandu jkun irrabbjat għal qtil ta’ Caruana Galizia u li kulħadd għandu jaġixxi.

Dwar l-FATF, qal li l-Partit Laburista jirredikolah meta jgħid li se joħroġ lil Malta mill-lista l-griża fi żmien tliet xhur, iżda qal li hu jista’ jagħmel dan minħabba li ma jiddefendix politiċi korrotti.
Tkellem dwar il-pandemija fejn qal li l-Prim Ministru ma tgħallem xejn minn dak li seħħ is-Sajf li għadda u qal qed jittieħdu ħafna deċiżjonijiet ħżiena f’dan ir-rigward.

Dwar il-kostruzzjoni, waqt li qal li din hija importanti għall-ekonomija tal-pajjiż, appella għal iktar regolazzjoni. Qal li mhux aċċettabbli li wieħed ma jħossux sigur f’daru stess.Dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma kkommetta ruħu li taħt Gvern Nazzjonalista l-poplu ma jibqax jinsteraq, u li kulħadd jieħu l-flus lura li qal ġew misruqa minn dan il-Gvern.