Lokali
AĠĠORNAT: L-EBA twiddeb lill-FIAU dwar il-Bank Pilatus – l-FIAU ma taqbilx mal-konklużjoni tal-EBA

L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) kkonkludiet li l-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) f’Malta, ma kinitx konformi mad-direttiva Ewropea biex ma tħallix li s-sistema finanzjarja tintuża għall-ħasil ta’ flus u finanzjament terroriżmu għax naqset milli twettaq dik li sejħet superviżjoni effettiva fuq il-Bank Pilatus.

Fl-investigazzjoni mitluba mill-Kummissjoni Ewropea, ġew indikati numru ta’ nuqqasijiet fejn tidħol proċedura u azzjonijiet ta’ superviżjoni meta t-taqsima iddeċidiet li tagħlaq il-każ dwar il-Bank Pilatus mingħajr ma imponiet sanzjonijiet.

L-EBA għamlet tmien rakkomadazzjonijiet lill-FIAU, li fihom sejħet biex issegwi l-obbligazzjonijiet li għandha skont il-liġijiet Ewropej. Ir-rapport iffirmat miċ-Chairperson tal-Bord tal-Awtorità Andrea Enria, jgħid li l-FIAU għandha ssaħħaħ l-iskuritinju tagħha fuq każi potenzjali ta’ ħasil ta’ flus waqt li timplimenta proċeduri interni b’saħħithom biex twettaq superviżjoni tal-entitajiet finazjarji biex tiżgura li jkunu qed jimxu mar-regoli.

L-awtorità qalet li sabet li l-FIAU ma kelliex r-rekords u d-dokumenti kollha u għalhekk ma setgħetx tiddefendi ruħha. Qalet ukoll li l-FIAU naqset milli toffri raġunijiet għalfejn ma mponietx sanzjonijiet fuq il-Bank Pilatus li fost oħrajn ma kellux miżuri b’saħħithom kontra l-ħasil ta’ flus għall-klijenti li kienu klassifikati bħala persuni nvoluti fil-politika.

L-awtorità qalet li l-FIAU naqset milli twettaq spezzjoni fuq il-post qabel kienet ordnata biex tagħmel dan mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji, minkejja li l-Bank Pilatus kien meqjus bħala istituzzjoni b’riskju għoli. L-FIAU ngħatat għaxart ijiem ċans tgħid x’azzjonijiet se tieħu biex tindirizza n-nuqqasijiet identifikati fl-investigazzjoni.

Fi stqarrija b’reazzjoni, l-FIAU qalet li tinsab iddiżappuntata bil-konklużjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea. Qalet li għandha riżervi serji dwar il-proċess li adottat l-Awtorità fl-inkjesta preliminari u fl-investigazzjoni dwar jekk inkisritx il-liġi Ewropea.

L-FIAU qalet li minkejja dan, se tkompli tikkoopera mal-EBA fl-implimentazzjoni tal-pjan t’azzjoni tal-FIAU li tfassal qabel saret l-inkjesta preliminari dwar il-possibilità ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni Ewropea. L-FIAU qalet li se twieġeb lill-Awtorità b’rabta ma’ dan il-każ.

Aħbarijiet Oħra
Lifestyle

It-tradizzjoni tal-ġostra għall-komunità Misidjana hija appuntament annwali li jaħbat mal-festa ta’ San Ġużepp. Mixgħula u mżejna għall-festa tal-patrun tagħha, matul din il-ġimgħa f’din il-lokalità saru l-kompetizzjonijiet tal-ġostra, li d-drawwa tagħha…

Lokali

Esperjenza unika u differenti minn tas-soltu għal Christine Borg u Tonio Mercieca, żewġ residenti tad-Dar tal-Providenza b’diżabilità fiżika li jgħixu f’Dar Akkwarell fil-Qawra. Is-Sibt filgħodu Christine u Tonio marru dawra…

Immigrazzjoni

Wara li fl-aħħar ġimgħat inqalgħu batibekki bejn l-awtoritajiet Maltin u Taljani dwar l-immigrazzjoni, TVM stħarreġ is-sentiment tat-Taljani li qed jaħdmu f’Malta. Mindu ġie elett il-Gvern ċentru lemini Taljan kważi erba’…

Kronaka

Tliet membri mit-tim mediku mid-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei sfaw aggrediti minn ġuvni Libjan waqt li kienu qed jassistu żewġ persuni li kellhom bżonn l-assistenza medika. Il-ġuvni ġie arrestat mill-Pulizija…

Aktar