Lokali
L-FIAU tifli mal-5,000 każ suspettuż fl-2020

Fil-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tagħha, it-Taqsima għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) qalet li s-sena li għaddiet rat numru rekord ta’ rapporti dwar attivitajiet suspettużi b’total ta’ aktar minn 5,000 każ.

Is-sena li għaddiet ukoll l-FIAU bagħat 70 rapport analitiku lill-Pulizija dwar suspetti raġjonevoli ta’ ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

Minbarra 5,175 rapport magħmula mill-persuni soġġetti lill-FIAU mir-rapport annwali għall-2020 joħroġ ukoll li ntbagħtu 4,535 ‘intelligence reports’ lill-awtoritajiet lokali u internazzjonali kif ukoll lil ‘financial intelligence units’ barranin.

It-taqsima bagħtet 70 rapport analitiku lill-Pulizija dwar suspetti raġjonevoli ta’ ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll aktar minn 100 intelligence reports u rapporti spontanji.

Id-Direttur tal-FIAU Kenneth Farrugia qal li minkejja l-pandemija t-taqsima rnexxielha twettaq ħafna xogħol u li ssaħħet it-teknoloġija avvanzata li tintuża għall-ġbir u żamma ta’ informazzjoni fuq ir-riskji.

Skont ir-rapport annwali, minkejja r-restrizzjonijiet tal-Covid, is-supreviżjoni ma waqfitx u saret ukoll b’mod virtwali.

Is-sena li għaddiet it-taqsima għamlet ‘il fuq minn 200 eżami superviżorju b’kollaborazzjoni mal-awtoritá tal-logħob u l-awtoritá għas-servizzi finanzjarji.

It-taqsima ħarġet ukoll direttivi ta’ rimedju għal dawk li nqabdu jiksru l-liġi fejn ittieħdet azzjoni biex tissaħħaħ il-konformitá mal-liġi.

Waqt li fl-2019 l-awtorità kellha kważi 100 impjegat, sal-aħħar ta’ din is-sena dawn se jiżdiedu għal 157. Dan it-tkabbir sar fuq il-pariri li saru mill-awtorità bankarja Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Moneyval.

L-FIAU qal li għandu ħaddiema speċifiċi li jagħtu gwida u anke taħriġ biex titrawwem kultura għal konformità mal-liġi finanzjarja fejn tħarrġu b’kollox mat-3,000 persuna.