Kaċċa u Insib
L-FKNK imħassba dwar proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tipprojbixxi l-kaċċa fuq 10% tal-art

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) esprimiet tħassib dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea (KE) li tipprojbixxi l-kaċċa u s-sajd rikreattiv f’żoni strettament protetti li għandhom ikopru mill-inqas 10 fil-mija tat-territorju tal-Unjoni Ewropea.

Fi stqarrija l-FKNK esprimet il-fehma li jekk din il-proposta tidħol fis-seħħ fl-Istati Membri, se jkollha konsegwenzi negattivi għall-kaċċa u s-sajd kif ukoll attivitajiet oħra ta’ użu sostenibbli ta’ sinifikat soċjoekonomiku, kulturali u ekoloġiku madwar l-Unjoni Ewropea.

Il-federazzjoni qalet li taħt ir-reġim attwali tal-Unjoni Ewropea, mhux biss m’hemm l-ebda preżunzjoni kontra l-kaċċa u s-sajd fiż-żoni Natura 2000, iżda dawn l-attivitajiet huma spiss ikkunsidrati ta’ benefiċċju f’termini ta’ valuri soċjoekonomiċi u kulturali kif ukoll tal-ħtiġijiet ekoloġiċi tas-siti.

Żiedet li l-Kummissjoni Ewropea kienet enfasizzat li l-attivitajiet tal-kaċċa fis-siti tan-Natura 2000 għandhom jiġu determinati l-aktar fil-livell lokali, peress li llum l-Istati Membri kollha jippermettu l-kaċċa fiż-żoni Natura 2000 u l-maġġoranza ta’ l-Istati Membri jippermettu l-kaċċa f’xi forma ġewwa l-parkijiet nazzjonali.

L-FKNK qalet li kitbet lill-Ministri u lill-Awtoritajiet lokali konċernati, kif ukoll lir-rappreżentanti nazzjonali tan-NADEG, fejn se tiġi diskussa l-proposta, biex tħeġġeġ li Malta toġġezzjona kontra din il-proposta bil-għan li l-kliem “il-kaċċa u s-sajd mhumiex kompatibbli ma’ żoni strettament protetti” jitħassar mill-istess proposta.