Annimali
L-FKNK ma taqbilx mal-projbizzjoni tal-kaċċa fuq il-Brajmla u l-Venewwa

L-FKNK fi stqarrija qalet li l-kaċċa għall-Brajmla u l-Venewwa m’għandhiex tkun ipprojbita.

Dan qalitu fl-isfond tal-appell maħruġ mill-KE għas-Sospensjoni tal-Kaċċa ta’ dawn l-għasafar filwaqt li spjegat għaliex Malta għandha tirrifjuta li timponi din il-projbizzjoni fuq dan it-tajr tal-passa.

L-FKNK qalet li l-Brajmla hija tajra xejn komuni waqt il-passa tax-xitwa f’Malta u rarament tidħol l-art, minħabba n-nuqqas ta’ għadajjar mentri l-Venewwa tpassi b’mod regolari fix-xitwa fil-gżejjer Maltin. Għalhekk, l-FKNK temmen li Malta qatt ma għandha tfassal pjan ta’ ġestjoni għal kwalunkwe minn dawn iż-żewġ speċi tal-passa, li ma jbejtux fil-gżejjer Maltin.

L-għaqda argumentat ukoll l-istatistika ta’ dawn l-aħħar snin, turi biżżejjed evidenza fuq il-fatt kemm hu żgħir u insinifikanti l-ħsad taż-żewġ speċi f’Malta.

Għalhekk temmen ukoll li qabel ma tiġi sospiża l-kaċċa, għandu jkun hemm analiżi dwar l-impatt tal-kaċċa fuq dawn il-popolazzjonijiet filwaqt li t-talba għas-sospensjonijiet ma għandhiex bażi legali għall-Istati Membri tal-UE.