Kaċċa u Insib
L-FKNK tesprimi tħassib qabel il-vot tal-PE dwar sparar ta’ ċomb fuq artijiet mistagħdra

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li kitbet lis-sitt Ewroparlamentari Maltin rigward vot li jista’ jittieħed fil-Parlament Ewropew nhar l-Erbgħa li ġej, fuq abbozz ta’ regolament tal-Kummissjoni Ewropea biex jirrestrinġi l-użu ta’ sparar ta’ ċomb fuq artijiet mistagħdra.

L-FKNK sostniet mihiex kontra t-tneħħija gradwali ta’ sparar ta’ ċomb fuq artijiet mistagħdra, iżda qalet li l-proposta tal-Kummissjoni tirrappreżenta interferenza serja mal-prinċipji tal-liġi tal-Unjoni Ewropea u ksur tad-drittijiet fundamentali tal-kaċċaturi.

Dan peress li  bir-regolament propost, kull ċittadin li jġorr munizzjon ikkargat biċ-ċomb sa 100m ta’ xi għadira jkun preżunt ħati u jrid jipprova l-innoċenza tiegħu huwa stess, bil-kontra tad-drittijiet li huma mnaqqxa fil-liġi tal-Unjoni Ewropea, fejn il-preżunzjoni tal- innoċenza hija fundamentali.

Żiedet li l-ħolqien ta’ preżunzjoni legali huwa kompetenza tal-Istat Membru waħdu, u mhux tal-Kummissjoni.

L-FKNK esprimiet ukoll tħassib dwar id-diffikultà biex issir distinzjoni bejn l-isparar ħdejn artijiet mistagħdra u dawk mhux mistagħdra minħabba kif l-artijiet mistagħdra huma definiti f’din il-proposta.

Il-federazzjoni qed tappella biex l-Ewroparlamentari Maltin jivvutaw biex il-proposta tintbagħat lura għand l-Aġenzija Xjentifika tal-Kummissjoni Ewropea għal aktar xogħol u emendi biex ikun hemm liġi li taħdem u tkun tista tiġi inforzata fil-prattika.