Kaċċa u Insib
L-FKNK tirrapporta theddid, valenu għall-klieb tal-kaċċa u vandaliżmu fuq karozzi

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti rrappurtat aktar każi ta’ provokazzjoni, aggressjoni u vandaliżmu fuq membri tagħha.

Fi stqarrija, l-FKNK qalet li l-Ħadd li għadda nassab safa mhedded bil-mewt minn koppja barranija li daħlet bil-klieb fil-mansab u naffrulu l-għasafar.

Il-federazzjoni qalet li l-Ħadd ukoll membri tagħha ġabru basket mimli velenu tal-ġrieden fir-riżerva tal-Miżieb, f’attentat kontra l-klieb tal-kaċċaturi.

Każ ieħor li ġie rappurtat lill-Pulizija jitratta vandaliżmu fuq karozzi ta’ kaċċaturi li kienu għall-kaċċa fil-Manikata.

Għall-FKNK dawn l-atti huma sabutaġġ u appellat lill-gvern jikkunsidra proposti li għamlitlu biex, kif hemm fi stati oħra tal-Unjoni Ewropea, jidħlu fis-seħħ regolamenti li jħarsu d-drittijiet tal-kaċċaturi u n-nassaba minn atti bħal dawn.

Min-naħa tagħha, l-għaqda Kaċċaturi San Ubertu qalet li l-karozzi tal-kaċċaturi llum ġew ivvandalizzati fl-inħawi tal-Manikata,

Tenniet l-appell lill-Gvern biex tieħu azzjoni kontra dan l-element li sejħitlu estremist fost dawk li jopponu d-delizzji tal-kaċċa u nsib, waqt li appellat  lill-kaċċaturi u nassaba kollha biex ma’ jaqgħux għall-provokazzjoni u biex jirrappurtaw kull inċident lill-Pulizija.