Annimali
L-FKNK tirrilaxxa 5 barbaġanni frieħ fl-inħawi tal-Ġonna tal-Buskett

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) ħabbret li rrilaxxat ħames barbaġanni frieħ fl-inħawi tal-Ġonna tal-Buskett.

Fi stqarrija, l-FKNK spjegat li dan kien parti mill-Proġett tal-FKNK : “Introduzzjoni mill-Ġdid tal-Barbaġann fil-Kampanja Maltija”, liema Proġett l-FKNK nediet fl-2017 u li hu bbażat biswit ir-Razzett tal-Bagħal fil-Buskett.

Spjegat li fil-11 ta’ Lulju 2021 l-ewwel tliet ifrieħ tpoġġew f’“Hacking Box”, liema kaxxa fil-ħin opportun titħalla miftuħa biex il-barbaġann ikun jista jitlaq ‘il barra.  Il-frieħ kienu ngħataw l-ismijiet Tyto u Alba (Tyto alba huwa l-isem xjentifiku tal-barbaġann).

Fil-21 t’Awwissu, infetħet il-kaxxa u l-frieħ telqu.  Fil-bidu ta’ Settembru mbagħad tpoġġew żewġt ifrieħ oħra fil-“Hacking Box”, li nfetħet ftit tal-ġranet wara.  Sakemm il-frieħ jitgħallmu jikkaċċjaw biex jieklu, ġol-“Hacking Box” jitpoġġa ikel li l-frieħ jibqgħu jżuru ta’ sikwiet .

Fil-ġejjieni, l-FKNK qalet li bl-għajnuna tat-tenur Joseph Calleja se tintroduċi l-proġett bnadi oħra, anki urbani.  Pjan ieħor hu li jiġu installati numru ta’ “Nest-Boxes” fl-inħawi tal-Buskett bil-għan li jerġa’ jitnissel l-barbaġann fis-selvaġġ tal-kampanja Maltija.