Lokali
L-FKNK tniedi dehra ġdida għall-għaqda

Dehra ġdida għall-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, li qalet kif biħsiebha tkompli tagħti leħen lill-kaċċaturi u nassaba Maltin.

Il-President tal-għaqda, Lucas Micallef qal li l-viżjoni futura tal-FKNK hija mibnija fuq tliet pilastri ewlenin li huma s-sostenibilità, il-konservazzjoni u l-komunikazzjoni. Saħaq li b’dawn it-tliet pilastri l-għaqda se tassigura futur xieraq għall-kaċċa u l-insib, kif ukoll għall-bijodiversità ta’ pajjiżna.

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK nedew dehra ġdida għall-għaqda. Il-President tal-FKNK Lucas Micallef qal li wara 48 sena li ġiet iffurmata l-għaqda għadha l-leħen tal-kaċċatur u nassab Malti anki jekk sostna li matul is-snin l-FKNK iffaċċajt ħafna sfidi. Saħaq li l-għaqda se tibqa’ taħdem b’determinazzjoni u kuraġġ.

“Rajna li wara 48 sena kien hemm bżonn li aħna naddattaw għaż-żminijiet tal-lum. Biss użajna l-esperjenza kollha ta’ dawn it-48 sena li għaddew biex ikollna bażi soda għal futur u b’hekk flimkien mal-logo tagħna llum ħabbarna manifest li se tħaddan il-viżjoni tagħna li bnejnieha fuq tliet pilastri ewlenin dik li hija sostenibilità, konservazzjoni u komunikazzjoni.”

Is-Sur Micallef qal li b’dawn it-tliet pilastri l-għaqda tista’ tassigura futur xieraq għall-kaċċa u l-insib, kif ukoll għall-bijodiversità. Spjega kif bħalissa l-FKNK għaddejja bir-riċerka annwali li twettaq dwar l-għasafar tal-għana, li bdiet fl-20 ta’ Ottubru li għadda.

“Aħna qed nużaw l-insib għal skop xjentifiku. Bażikament in-nassab qed juża s-sit ta’ mansab tiegħu biex hemmhekk xorta jittratta l-għasafar u jara jekk ikollhomx ċurkett xjentifiku li dan ikun ġie mwaħħal f’pajjiżi oħra. Jekk ikun il-każ li jkollu ċurkett in-nassab jieħu nota ta’ dan iċ-ċurkett, joħodlu ritratt, imbagħad wara l-istaġun dawn id-dokumenti jiġu mgħoddija lir-regolatur u l-għasafar li ma jkollhomx jintelqu immedjatament flimkien ma’ dak li kellu ċurkett, jiġifieri d-differenza bejn it-tnejn hija li tieħu d-data minn fuq taċ-ċurkett.”

Is-Sur Micallef qal liċ-Ċentru tal-Aħbarijiet li l-FKNK dejjem żammet l-istess numru ta’ membri li bħalissa huwa ta’ 10,000, iżda sostna kif fl-aħħar snin l-għaqda rat numru ta’ membri ġodda, fosthom għaqdiet żgħar li se jkunu affiljati mal-Federazzjoni għaż-żmien li ġej.