Lokali
L-FKNK u l-BirdLife dwar l-istaġun tal-kaċċa tal-gamiem f’Settembru

Il-Kumitat Ornis se jirrakkomanda l-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa tal-gamiem għal Settembru li ġej. Fi stqarrija maħruġa mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) ingħad li l-uniku vot kontra kien ta’ BirdLife Malta.

L-FKNK qalet li l-Kumitat Ornis ċaħad it-talba tal-Kummissjoni Ewropea għal kwoti individwali, filwaqt li esprimiet ir-riservi tagħha għal kwota nazzjonali ta’ 500 għasfur.

L-FKNK żiedet li se tipprova takkomoda talba oħra tal-Kummissjoni Ewropea – biex jigi identifikat in-numru ta’ frieħ u dak ta’ gamiem adulti li jinqabdu, u għalhekk mistennija tintroduċi sistema ta’ rappurtar volontarju għal dan il-għan.

Intant, Birdlife Malta qalet li fil-laqgħa tal-Kumitat Ornis għamlitha ċara li l-kwota li qed tkun proposta għall-kaċċa ta’ 500 gamiema f’Settembru hija farsa, u tinjora t-twissijiet li l-gamiema tinsab f’periklu serju.

Fi stqarrija, BirdLife Malta qalet li r-rifjut tal-Gvern li jikkontrolla l-kaċċa għall-gamiema, li hija speċi taħt theddida, juri kemm il-ħarsien ambjentali hu biss eżerċizzju kożmetiku.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta, Mark Sultana saħaq li l-gamiema ma tistax tkun speċi kaċċabbli aktar. Qal, li 2.7% biss tal-kaċċaturi f’Malta jipparteċipaw fis-sistema tar-rappurtaġġ tal-qbid u m’hemm l-ebda indikazzjoni li din is-sitwazzjoni se titjieb.