Lokali
L-FKNK u l-BirdLife jgħidu tagħhom fuq ir-referendum dwar il-kaċċa

BirdLife Malta u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) mhux jaqblu bejniethom kemm sewa’ r-referendum dwar il-kaċċa li sar fl-2015.

Dan hekk kif l-FKNK qalet li l-Gvern m’għandux jerġa’ jonfoq ’il fuq minn €6 miljuni għar-refendum. Din ġabet reazzjoni mill-BirdLife Malta fejn qalet l-Ministru tal-Finanzi dak iż-żmien kien iddikjara li r-referendum kien sewa €4.6 miljun u mhux is-€6 miljuni li qed issemmi l-għaqda tal-kaċċaturi.

Il-Gvern m’għandux jonfoq €6 miljuni

L-FKNK qalet li l-BirdLife Malta qed thedded li tagħmel referendum ieħor biex tabolixxi l-kaċċa fir-rebbiegħa. Hija qalet li l-Gvern m’għandux jonfoq ’il fuq minn €6 miljuni mit-taxxi tal-poplu biex isir referendum ieħor rigwar materja li l-maġġoranza tal-poplu diġà vvota fuqha fl-2015.

Qalet li l-Gvern Malti għandu jikkunsidra l-petizzjoni tal-FKNK b’aktar minn 104,000 firma biex issir emenda fil-liġi dwar ir-referendums.

Stqarret li l-FKNK l-istaġun kif propost mill-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA) ma jagħmilx sens għax skontha fil-perjodu ssuġġerit ipassi tajr ieħor li mhuwiex is-summien, f’staġun li suppost ikun għas-summien biss. Qalet li dan ifisser li kull tajra oħra hi meqjusa protetta f’dan il-perjodu.

L-FKNK qed tipprova tfixkel id-demokraija – BirdLife Malta

Min-naħa tagħha BirdLife Malta qalet li l-FKNK qed tipprova tfixkel id-demorazija.

Qalet li l-konsultazzjoni pubblika permezz ta’ referendum hija dritt demokratiku. Tenniet li ebda grad ta’ intimidazzjoni mhu se jwaqqaf lil BirdLife Malta milli turi li l-amministrazzjoni tal-Gvern mhix interessata fil-protezzjoni tan-natura.

Qalet li r-referendum tal-kaċċa sar fl-istess jum tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li hija spiża naturali fil-proċess demokratiku ta’ Malta u aktar minn hekk il-Ministru tal-Finanzi dak iż-żmien kien iddikjara li r-referendum kien sewa €4.6 miljun u mhux is-€6 miljuni li qed issemmi l-għaqda tal-kaċċaturi. Temmet tgħid li hija tal-fehma li ċ-ċifra ta’ €4.6 miljun hija waħda minfuħa imma tinsisti li hu x’inhu, id-demokrazija m’għandhiex prezz.