Storja
L-għadam li nstab fil-Knisja ta’ San Girgor lura f’postu wara sentejn jiġi studjat

L-għaqda Wirt iż-Żejtun ħabbret li l-għadam kollu li kien instab fil-passaġġ sigriet tal-parroċċa l-qadima qiegħed lura postu, wara li sentejn ilu nqala’ biex isiru studji fuqu.

L-għadam kien instab f’din il-knisja f’April tal-1969, iżda minkejja li huwa maħsub li jmur lura mijiet ta’ snin, iċ-ċirkostanzi li wasslu biex dawn il-fdalijiet jispiċċaw f’dan il-passaġġ fis-saqaf tal-knisja huma għal kollox misteru, bl-istudju li għandu jixħet iktar dawl fuq din is-sejba.

Fuq il-midja soċjali l-għaqda qalet li issa ddaħħal xkaffar tal-perspex biex l-għadam jitqassam u jiġi kkonservat aħjar. Kull għadma li hemm ġiet imdaħħla f’inventarju u mogħtija numru ta’ identifikazzjoni permezz ta’ sistema ta’ ‘tagging’.

Intqal li r-riżultati tal-istudji li saru fuqu se jiġu spjegati mix-xjenzati kollha li ħadmu fuq dan il-proġett waqt attività apposta li se ssir is-sena d-dieħla.