Lokali
L-għadd tal-voti se jibda jsir bil-kompjuter flok bl-idejn… u x’baqa’ jinbidel?

L-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla biex jiġu eletti s-sitt membri parlamentari Ewropej u l-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta u Għawdex se jaraw bidla kbira fl-għadd tal-voti, li minflok bl-idejn se jsir b’mod elettroniku. Il-Kummissjoni Elettorali qed tagħmel għadd ta’ suġġerimenti u proposti għal bidliet oħra fil-proċess elettorali, li mhux neċessarjament jidħlu fis-seħħ fl-appuntament elettorali ta’ Mejju tas-sena d-dieħla.

Il-Kummissjoni Elettorali qed tipproponi taħditiet biex il-karta tal-identita’ tibda tintuża bħala dokument tal-vot. Intqal li l-produzzjoni tad-dokumenti tal-vot u t-tqassim mill-Pulizija jieħdu ħafna riżorsi u flus, bil-Kummissjoni tgħid li jekk il-proposta tintlaqa’ l-votanti jirċievu notifika bid-dettalji fejn imorru jivvutaw, bl-istess nota tinżamm mill-Assistenti Kummissjonarji Elettorali fil-post tal-votazzjoni bħala prova li l-persuna daħlet tivvota. Il-Partit Laburista jaqbel.

“Id-dokument tal-vot illum u r-reġistru elettorali, d-dettalji tagħhom jiġi mid-dettalji li għandha l-karta tal-identità, jiġifieri jekk persuna llum tmur tagħmel tibdil fil-karta tal-identità dan b’mod awtomatiku jirrifletti fid-dokument tal-vot u fir-reġistru elettorali. Għaldaqstant aħna favur li l-karta tal-identità tintuża bħala dokument tal-vot,” qal Louis Gatt, Viċi President u Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-PL.

Fil-prinċipju, il-Partit Nazzjonalista jaqbel ukoll, iżda qed joġġezzjona li l-Kummissjoni Elettorali m’għadx għandha kontroll fuq il-karti tal-identità, kif kellha fl-imgħoddi.

“Aħna ghandna concerns serji ħafna dwar l-Identity Malta u dwar is-salvagwardji li għandu jkollu proċess elettorali. U allura wieħed ma jistax jgħid li aħna naqblu li din għandha tkun l-entità li toħroġ id-dokument allura issa tal-vot u għadna qed naraw x’salvagwardji jridu jidħlu u jekk naċċettawx jew le. Aħna m’għandniex fiduċja fl-Identity Malta kif inhi illum,” qal Clyde Puli, Segretarju Ġenerali tal-PN.

Dwar il-jiem ta’ riflessjoni u silenzju, lejlet u nhar il-votazzjoni, il-liġi nkitbet fl-1991 meta ma kinux jeżistu l-sms’s, facebook u twitter. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li hu diffiċli tikkontrolla li ma jsirux reklami u messaġġi fuq il-media soċjali u hi tal-fehma li l-liġi tiġi aġġornata biex tirrifletti dawn l-iżviluppi.

“Aħna bħala Partit Laburista iktar imorru li fejn tidħol il-media soċjali, fejn tidħol il-komunikazzjoni bejn persuni, personali, hemmhekk ma taqax taħt il-liġi daqslikieku qed tipprintja gazzetta, daqslikieku qed toħroġ gazzetta online. Jiġifieri nħallu fil-libertà l-użu tal-facebook f’dawk il-jiem tas-silenzju,” spjega Louis Gatt, Viċi President u Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-PL.

“Allura kandidat li kiteb Vote George Borg u għadu jidher fuq il-facebook tiegħu trid tneħħiħ? Naħseb mhux xi ħaġa realistika. In-nies silenzju u mhux ma jiqfux jitkellmu fit-triq, u allura wieħed irid jieħu konjezzjoni ta’ dan il-fatt u jaġġorna ghal dak il-fatt. Però min-naħa l-oħra wieħed irid jagħmel salvagwardji,” qal Clyde Puli, Segretarju Ġenerali tal-PN.

F’dan is-sens, is-Sur Puli staqsa jekk il-fatt li ma jkunx hemm silenzju jagħmilhiex possibbli li xi media toħroġ storja qarrieqa f’dak il-mument sensittiv u jekk ikunx hemm rimedju għal dak.

Ir-rappreżentanti tal-partiti politiċi qablu mal-proposta tal-Kummissjoni li l-votazzjoni bikrija, bħal fil-każ tal-Għawdxin, mhux bilfors issir fis-sala tal-għadd tal-voti. Qbil ukoll li bħalma jiġri f’ċerti residenzi għall-anzjani u fi sptarijiet, fil-ħabs ikun hemm post tal-votazzjoni biex priġunieri bi dritt għall-vot jivvutaw hemmhekk, flok jittieħdu bi skorta fil-lokalitajiet fejn reġistrati.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

F’Tas-Sliema, main bi pressjoni ogħlja spiċċa biex faqa’ l-bankina u ħasel il-karozzi pparkjati fil-viċin. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienu fuq il-post is-Sibt filgħaxija biex isolvu problema. Għat-tiswijiet kellha wkoll tingħalaq il-provvista…

Lokali

Minħabba li qed iċedi l-blat fil-bajja ta’ Għar Lapsi, kellu jingħalaq l-aċċess għal parti oħra minn din il-bajja, msejħa west cove. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti…

Lokali

Id-DJ Olandiż, Mike Williams, magħruf mad-dinja kollha għall-mużika house u future house li jipproduċi, għażel biex jiġbed filmat tal-aħħar diska li ħareġ f’Kemmuna. Id-DJ żagħżugħ li għandu biss 21 sena,…

Aktar