Politika
L-għajnuna li se tingħata lill-barijiet u l-każini titħabbar fil-jiem li ġejjin – Il-PM

Waqt laqgħa politika f’Ħal Tarxien, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jingħataw id-dettalji dwar is-sostenn li se jingħata mill-Gvern lill-barijiet u każini li nżammu magħluqa waqt il-Covid.

Dr Abela rrefera għal din il-miżura u għall-proposti li tressqu fil-Parlament dwar ir-riforma fl-industrija tal-kostruzzjoni bħala eżempji ta’ kemm il-Gvern qed jimpenja ruħu biex ikompli jieħu deċiżjonijiet li jirriflettu l-polz tan-nies.

Il-Prim Ministru qal li b’kuntrast mal-pajjiżi Ewropej li jinsabu mkissrin minħabba l-pandemija, pajjiżna baqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu, anke jekk b’diversi restrizzjonijiet, bil-qasam tas-saħħa baqa’ jlaħħaq mad-domanda li qed ikollu waqt il-Covid. Qal li filwaqt li l-pajjiżi Ewropej, li ħafna minnhom qegħdin f’lockdown, ikkunsidraw ukoll li jagħlqu l-fruntieri, f’Malta ma sar ebda lockdown, u l-pajjiż baqa’ jkattar il-ġid. Huwa ħabbar li dalwaqt se joħorġu d-dettalji tal-iskema ta’ għajnuna finanzjarja li se tingħata lill-barijiet u każini li nżammu magħluqin.

Il-Prim Ministru appella lill-Oppożizzjoni biex quddiem dan iż-żmien kruċjali għal pajjiżna ma tibqax tattakka u tagħmel ħsara anki barra mill-pajjiż. Huwa ddeskriva bħala arroganza l-attakk li għamlet l-oppożizzjoni fil-konfront tas-Supretedent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci u li għax ħadet il-vaċċin kontra l-Covid qalu li ġabuha f’postha. Dr. Abela rrimarka wkoll għall-intervista li kellu ftit jiem ilu l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, li qal uriet kemm l-Oppożizzjoni m’għandha pożizzjoni u viżjoni ta’ xejn. Dwar ir-reshuffle, Dr Abela qal li l-Kap Nazzjonalista dam xhur biex jagħmilha, u fl-aħħar mill-aħħar ftit li xejn sar ċaqliq.

Il-Prim Ministru semma l-inċident traġiku ta’ Miriam Pace, u qal li mir-rapport tekniku ħarġu numru ta’ proposti għal riforma fis-settur tal-kostruzzjoni. Il-Prim Ministru qal li għalhekk fil-Parlament għaddejja d-diskussjoni dwar kif għandu jiġi rriformat dan is-settur, fosthom bit-twaqqif tal-awtorità ġdida għall-bini u l-kostruzzjoni. Qal li permezz ta’ din l-awtorità, issa meta n-nies ikollhom żvilupp ħdejhom, bil-liġi, l-iżviluppatur irid jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-perit biex iserraħ moħħ il-ġirien. Dr Abela qal li dan qed isir għax il-Gvern huwa konxju tal-ansjetà qawwija li qed ikollhom in-nies meta jsir tħaffir għal żvilupp ġdid ħdejhom. Qal li dawn ir-riformi mhux se jnaqqsu mir-ritmu ekonomiku iżda jagħtu stabbiltà fit-tul għas-settur.

Dr Abela qal li għax dan huwa gvern tan-nies, sema’ minn dawk ir-residenti li kienu mdejqin b’ċertu aġir ta’ immigranti fil-lokalitajiet tagħhom u li għalhekk żdiedet il-preżenza tal-pulizija. Qal li biż-żieda tal-pulizija fit-toroq is-sena li għaddiet f’pajjiżna r-reati naqsu b’2,500.

Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern se jkompli ffukat biex ikompli jaħdem għall-ġid tan-nies, tant li din il-ġimgħa se jniedi strateġija għat-turiżmu biex wara l-pandemija l-pajjiż jirranka fit-tkattir ekonomiku. Qal li l-Gvern se jibqa’ qrib in-nies, u huwa determinat li jġib il-prosperità għall-Maltin u l-Għawdxin.