Lokali
L-għan tar-riforma tal-liġi tal-kera hu biex il-partijiet kollha jieħdu dak li hu ġust – il-Ministru Galdes

Fl-ewwel laqgħa ma’ msieħba fis-settur mindu tħabbret il-liġi riveduta tal-kera maħsuba biex tindirizza l-kirjiet ta’ qabel l-1995, il-Ministru Roderick Galdes iltaqa’ mal-Kamra tal-Periti. Il-Ministru qal li l-Gvern ma jridx li l-proċess ta’ valutazzjoni tal-propjetà ssir mill-awtorità iżda jeħtieġ ikun indipendenti miż-żewġ partijiet. Qal li l-għan tar-riforma tal-liġi tal-kera hu biex il-partijiet kollha jieħdu dak li hu ġust.

Il-President tal-Kamra tal-Periti Andre Pizzuto qal li iridu jifhmu fid-dettall il-bidliet li daħlu fis-seħħ dwar il-liġi tal-kera biex ikunu jistgħu jiggwidaw lill-periti dwar il-prattiċi li se jkunu adottati. Il-Perit Pizzuto qal li jeħtieġ isiru laqgħat tekniċi biex fost oħrajn ikun diskuss kif se tinħadem il-valutazzjoni. Qal li huma iridu jagħtu għarfien tekniku lil min jilleġiżla.