L-Għanja tal-Poplu lura fuq l-istazzjonijiet tal-PBS

Jitiqes bħala opportunità tajba għall-kantanti, awturi u mużiċisti Maltin biex jesprimu t-talenti tagħhom fil-pubbliku. Il-festival “L-Għanja tal-Poplu” tnieda fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, b’dawk interessati jieħdu sehem iridu jressqu s-sottomissjonijiet tagħhom nhar il-Ġimgħa.

Il-festival “L-Għanja tal-Poplu” ilu jsir mill-1973 u matul iż-żmien żviluppa bħala appuntament importanti fil-kalendarju kulturali u mużikali.

POSTERghanja small sizeFit-tnedija tal-edizzjoni 2015, id-direttur taċ-ċentru tal-kreattivita fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, Toni Sant, qal li storikament, il-kanzunetti fil-festival pprovdew wħud mill-ifjen eżempji ta’ kompożizzjonijiet bl-ilsien Malti.

Noel D’Amato li huwa membru tal-kumitat organizzattiv tal-festival qal li sena wara l-oħra, l-kanzunetti għandhom messaġġi li jvarjaw minn esperjenzi sbieħ, għall-karbiet ta’ dawk vulnerabbli, teħid ta’ pożizzjonijiet dwar problemi soċjali u elementi li jispikkaw fl-identità kollettiva tal-Maltin.

“Il-poplu bħalma jesprimi l-arti tiegħu, bħalma jesprimi l-ħsibijiet tiegħu b’diversi modi jagħmel dan anki bil-kanzunetta Maltija,” qal Noel D’Amato.

Fattur li jiddistinwgi lil dan il-festival hu li l-mużiċisti jdoqqu live waqt l-interpretazzjoni tal-kanzunetti. Is-Sur D’ Amato qal li ħafna mit-tħejjijiet u xogħol għall-festival isir volontarjament mill-YTC.

Il-festival se jixxandar f’April fuq l-istazzjon nazzjonali u sa dakinhar se jixxandar programm kull ġimgħa dwar il-festival fuq Radju Malta 2 li se jwitti t-triq lejn is-serata finali tal-Għanja tal-Poplu li se ssir fil-21 ta’ Marzu fit-teatru Sir Temi Żammit, fl-Università.