Lokali
L-Għaqda Każini tal-Banda titlob laqgħa mal-awtoritajiet tas-saħħa dwar il-festi esterni

L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda qed titlob laqgħa mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci biex flimkien mal-Kurja jitfasslu protokolli li jippermettu verament li jiġu ċelebrati l-festi esterni.

Dan wara li lbieraħ id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li attivitajiet reliġjużi jistgħu jsiru bħalma setgħet issir l-attività tal-Fun Run il-Ħadd li għadda bil-protokolli stabbiliti. Qal li kull attività inkluż dawk reliġjużi li ma jsibu ebda oġġezzjoni mill-awtoritajiet tal-Kurja, jistgħu jsiru wkoll.

Min-naħa tagħha, il-Kurja qalet li tippermetti ċelebrazzjonijiet esterni bħalma huma l-purċissjonijiet tal-festi, meta, kif u jekk jiġu approvati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Qalet li din il-pożizzjoni kienet tħabbret diġà mill-Kurja f’Mejju li għadda.

Waqt li qalet li ħadet nota ta’ dawn l-istqarrijiet, l-Għaqda Nazjonali Każini tal-Banda qalet li jidher ċar li l-Protokolli eżistenti maħruġa mis-Supretendet tas-Saħħa Pubblika ma jippermettux li jiġu organizzati l-Festi Esterni bħal Purċissjonijiet.

Ħeġġet biex kulħadd jaħdem flimkien sabiex ma tintilifx pern ewlieni tal-identità kulturali Maltija.