Politika
L-għaqda Repubblika diżappuntata bir-riforma fl-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija

L-għaqda Repubblika esprimiet id-diżappunt tagħha għar-riforma mħabbra nhar it-Tlieta mill-Prim Ministru Robert Abela, ta kif se jkun qed jintagħżel il-Kummissarju tal-Pulizija.

Fi stqarrija din qalet li ma nbidel xejn minn qabel, minħabba li issa se jkun hemm kumitat magħżul mill-Prim Ministru stess, li jagħżel lista ta’ kandidati validi għax-xogħol ta’ Kummissarju. Qalet li din il-lista imbagħad tgħaddi għand il-Prim Ministru, u dan jagħżel wieħed minnhom. Fl-aħħar nett l-isem magħżul mill-Prim Ministru irid jgħaddi għal vot Parlamentari.

Repubblika qalet li b’hekk “żdiedu iċ-ċerimonji” iżda xorta waħda mhu se jinbidel xejn, minħabba li l-kumitat li se jagħmel din l-għażla se jkun magħżul mill-Prim Ministru, u allura se jkun il-Prim Ministru li jibqa’ jagħżel min se jimla’ l-post ta’ Kummissarju tal-Pulizija.